Għall-ħabta tat-8 ta’ dalgħodu għaddew l-ewwel 24 siegħa u dan ifisser li l-Pulizija ta’ Malta fadlilha 24 siegħa oħra biex tinterroga u tiddeċiedi jekk għandiex tressaq 10 persuni l-Qorti b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-għaxar persuni, kollha Maltin, ġew arrestati f’operazzjoni mifruxa mal-pajjiż kollu lbieraħ filgħodu, liema operazzjoni bdiet għall-ħabta tat-8 ta’ filgħodu f’diversi lokalitajiet, fosthom fil-Marsa, Ħaż-Żebbuġ u Buġibba. L-aktar operazzjoni konċentrata saret fil-Marsa, fi Triq il-Braken biswit Lighters’ Wharf.
Il-liġi tgħid ċar li kull persuna li jiġi arrestat, għandu jinħeles fi żmien 48 siegħa mill-arrest jekk f’dan iż-żmien ma jkunx tressaq il-Qorti. Dan ifisser li l-Pulizija għandha sa għada fit-8 ta’ filgħodu (bejn wieħed u ieħor) biex tressaq lil dawk suspettati.
Normalment, l-ewwel seduti tal-Qorti jibdew fid-9 ta’ filgħodu u dan ifisser li l-Qorti jkollha tiftaħ b’urġenza jekk is-suspettati jitressqu għada kmieni filgħodu. Għal din ir-raġuni mhux qed ikun eskluż li xi s-suspettati jibdew jitressqu l-Qorti sa minn tard illejla.
Ġeneralment (u ħlief ċertu eċċezzjonijiet li tipprovdi l-liġi), il-Pulizija tkun trid tikseb mandat minn Maġistrat tal-Qorti. Filfatt, ilbieraħ filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Maġistrat inkwirenti ffirma xi mandati li kienu neċessarji għall-operazzjoni ta’ filgħodu.
Meta kien qed jitkellem, il-Prim Ministru rrefera għall-Maġistrat inkwirenti, jiġifieri l-Maġistrat Anthony Vella li qed imexxi l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Madanakollu, aktar tard filgħaxija, il-familja Caruana Galizia qalet fi stqarrija li l-mandati normalment jiġu ffirmati mill-Maġistrat tal-Għassa, li fil-każ tal-bieraħ ma kienx Anthony Vella.
Sadanittant, għandu jingħad ukoll li mhux neċessarjament li mill-għaxar persuni arrestati, jitressqu kollha l-Qorti. Filfatt, ġie rrappurtat li s-suspettati ewlenin huma l-aħwa Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘Il-Fulu’ u George Degiorgio magħruf bħala ‘Iċ-Ċiniż’.
X’qed tgħid il-media: Arresti bis-saħħa ta’ ġbir ta’ data elettronika
F’rapport mill-ġurnalist Joe Mikallef fil-gazzetta In-Nazzjon ġie rrappurtat li l-operazzjoni tal-bieraħ filgħodu daħlet fis-seħħ wara li fl-aħħar ġimgħat sar ħafna xogħol assidwu ta’ ġbir ta’ data u intelligence minn numru ta’ persuni, fosthom permezz tal-ittappjar ta’ linji normali tat-telefon kif ukoll ittappjar ta’ ċellulari.
Informazzjoni simili ngħatat ukoll f’rapport mill-ġurnalist Ivan Martin fuq il-gazzetta Times of Malta, li wkoll irrappurtat li hemm komunikazzjoni elettronika li qed isservi bħala evidenza qawwija li tista’ torbot il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mal-aħwa Alfred Degiorgio u George Degiorgio. The Times irrappurtat ukoll li din il-komunikazzjoni elettronika hija mifruxa minn xi jiem qabel l-assassinju sa xi jiem wara. Jingħad li hemm ukoll komunikazzjoni dakinhar li nqatlet Caruana Galizia.
//= $special ?>