Il-Qorti tal-Maġistrati fetħet tard bil-lejl hekk kif tlieta mill-għaxar irġiel li kienu arrestati fuq suspett li għandhom rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tressqu l-Qorti
Quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, George Degiorgio ta’ 54 sena magħruf bħala iċ-Ċiniż residenti San Pawl il-Baħar, ħuħ Alfred Degiorgio ta’ 53 sena magħruf bħala il-Fulu residenti San Pawl il-Baħar u Vince Muscat ta’ 55 sena magħruf bħala il-Koħħu, residenti l-Gżira, kienu akkużati fost oħrajn b’konfoffa u assoċjazzjoni fl-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fis 16 ta’ Ottubru. Hi nqatlet pemezz ta’ bomba impoġġija taħt il-karozza tagħha u li ħadet ftit mumenti biss wara li kienet ħalliet ir-residenza tagħha fil-Bidnija.
Huma kienu akkużati wkoll li kellhom ukoll fil-pussess tagħhom sustanzi splussivi.
L-akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Preżenti fl-Awla, li kienet karatterizzata minn preżenza qawwija ta’ pulizija liebsin pajżana, kien hemm ukoll l-armel tal-vittma, l-Avukat Peter Caruana Galizia.
Huma ikkontestaw il-validita’ tal-arrest għaliex ingħataw kopja tal-mandat 36 siegħa wara li kienu arrestati. L-Ispettur Keith Arnaud, meta tela’ jixhed, qal li veru li tahom il-mandat iktar kmieni illum iżda ftit mumenti wara informahom li kienu arrestati kif ukoll ir-raġunijiet wara l-arrest. Hu qal li daħal l-ewwel flimkien mal-pulizija tal-iS.W.A.T u arrestahom. Mistoqsi mill-Avukat Benjamin Valenzia, Keith Arnaud ikkonferma li kien informa lill-aħwa Degiorgio dwar l-arrest wara li kienu manettjati u dan sabiex ikun ċerta li l-post ikun sigur. Muscat kien arrestat ftit metri bogħod taħt l-istess shed. Il-Qorti ma qiesitx l-oppożizzjoni tal-arrest bħala waħda leġittima u ddikjarat l-arrest bħala validu.
Huma inżammew arrestati wara li ebda wieħed minnhom ma talab il-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba għall-iffriżar tal-assi tal-akkużati.
Għaxart’irġiel, kollha Maltin, kienu arrestati kmieni lbieraħ filgħodu f’ħidma konġunta mill-Pulizija, il-Forzi Armati u s-Servizz tas-Sigurta’ ta’ Malta fil-Marsa, f’Ħaż-Żebbuġ u f’Buġibba. Peress li kulmin jiġi arrestat irid jitressaq fi żmien 48 siegħa jew inkella jiġi meħlus, bdiet tikber l-istennija li wħud mill-arrestati kienu se jitressqu tard filgħaxija.
Diversi mezzi tax-xandir u tal-istampa fil-fatt inġabru barra l-bini tal-Qorti sa mis-6p.m. Eventwalment il-Pulizija ikkonfermat li tlieta mill-arrestati kellhom jitressqu l-Qorti fl-10p.m.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud mill-iskwadra ta’ kontra l-omiċidji u l-Ispettur Kurt Zahra L-akkużati jinsabu assistiti mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Benjamin Valenzia filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru f’isem il-familja Caruana Galizia.
//= $special ?>Erġa’ segwi x-xandiriet kollha ta’ NET News matul il-ġurnata