Matul sessjoni ta’ Mistoqsija u Tweġiba ta’ Gvern li Jisma’ li kienet imxandra live fuq Facebook, il-Prim Ministru Joseph Muscat irrefera għall-każ tal-arresti li saru lbieraħ filgħodu b’rabta mal-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru semma kif kien fid-dover tiegħu li jinforma lill-pubbliku bl-aħħar żviluppi hekk kif il-Pulizija kellhom taħt idejhom il-postijiet ta’ interess sabiex ma jkunx hemm spekulazzjonijiet. Dan sar b’rispett lejn il-liġi tal-pajjiż.
Joseph Muscat żied jgħid li mhux ħa jikkummenta dwar dak li qed jingħad fil-midja li persuni se jitressqu l-Qorti u talab sabiex il-poplu jkunu paċenjuż. Madankollu, hu semma li meta l-persuni jitressqu l-Qorti, il-kumplikazzjoni għandha tkun ta’ ftit ġimgħat u jkompli l-proċess li jrid isir skont il-liġijiet tal-pajjiż.
Mistoqsi dwar il-filmati tal-operazzjoni tal-bieraħ filgħodu li xxandru fuq stazzjonijiet televiivi u midja soċjali, Joseph Muscat qal li l-forzi tal-Ordni mxew bi pjan li kien preparat b’reqqa u bi trasparenza.
Hu rringrazzja lil kull min ta sehmu f’din il-ħidma fosthom il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Assistent Kummissarju.
Matul din is-sessjoni, fost oħrajn, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-proġetti infrastrutturali, dwar il-punti tat-traffiku u l-iffriżar tal-embriju.
//= $special ?>