Internazzjonali

L-Istati Uniti: Evakwati fost in-nirien f’Kalifornja

Madwar 27,000 resident kienu mġiegħlha jevakwaw minn djarhom f’Kalifornja minħabba nirien kbar li kienu qed javvanzaw tul l-ibnadi tal-Istat, lejn in-nofsinar .

Dan meta eluf ta’ residenzi kienu taħt ‘direttiva awtomatika għal evakwazzjoni’ fl-ibliet ta’ Ventura u Santa Paula, fit-Tramuntana ta’ Los Angeles.

L-iskwadri għall-emerġenza wissew li n-nirien – li qabdu matul il-lejl tat-Tnejn  –tant kienu veloċi li huma ma setgħux jikkontrollawhom; bis-sitwazzjoni tibqa’ ftit jew wisq inċerta.

Kien ikkonfermat li talanqas persuna mietet f’inċident tat-traffiku waqt li kienet qed tipprova taħrab min-nirien, bil-provvista tad-dawl tinqata’ għal aktar minn 260,000 resident f’Kalifornja.

Numru sostanzjali ta’ bini, fosthom kumpless kbir ta’ appartamenti, laħqu ħadu n-nar fl-inħawi ta’ Ventura, bil-ħaddiema għall-emerġenzi jduru minn dar għall-oħra fejn ħeġġew lir-residenti biex jitilqu. Mijiet ta’ ħaddiema għall-emerġenzi kienu qed jistinkaw biex jipproteġu d-djar u bini oħra mill-fjammi – biċ-ċentri għall-evakwazzjoni jinfetħu f’numru ta’ skejjel u fairgrounds taz-zona.