Sostenituri tal-eks President tal-Ġorġja, Mikheil Saakashvili, salvawh minn vann tal-pulizija fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, wara li l-istess Saakashvilii kien spiċċa arrestat fuq akkużi li għen lil organizzazzjoni kriminali.
Uffiċjali tas-sigurtà, qabel, kienu kaxkru lil Saakashvili mid-dar tiegħu fi Kiev waqt li s-sostenituri tal-eks Mexxej Ġorġjan ipprotestaw fit-toroq tal-kapitali u konfrontaw lill-uffiċjali tas-sigurtà bl-iskop li ma jħalluhomx jieħdu lil Saakashvili.
Aktar qabel, l-eks Mexxej Ġorġjan kien indirizza lill-folol minn bejt ta’ bini fejn ħeġġiġhom biex iqumu ‘kontra l-ħallelin fi ħdanhom’.
Saakashvili qed jakkuża lill-President Ukren Petro Poroshenko, eks-alleat, b’li naqas milli jikkonfronta l-korruzzjoni fl-Ukrajna. Saakashvili qed iħeġġeġ ukoll lis-sostenituri biex iwettqu impeachment ta’ Poroshenko, li darba kien eksalleat tiegħu.
Mikhel Saakashvili kien sar ċittadin Ukren fl-2015, bir-riżultat li hu kellu jitlef iċ-ċittadinanza Ġorġjana.
Tul iż-żmien hu inbidel fi kritiku u avversarju aħrax tal-President Poroshenko fejn akkużah kemm il-darba bħala ‘kompliċi f’korruzzjoni’ u meta l-Mexxej Ukren irrifjuta l-allegazzjonijiet.
Fl-aħħar ħinijiet, Saakashvili — b’idejh immanettjati u mdawwar b’mijiet ta’ nies — ħeġġeġ lill-folol biex jimmarċjaw lejn il-Parlament fi Kiev u jibdew ‘protesta paċifika biex jitneħħa l-President Poroshenko’.
L-Uffiċjali fi Kiev ma kkummentawx dwar ‘il-ħarba’ tal-eksmexxej Ġorġjan minn taħt idejn il-qawwiet tas-sigurtà.
Il-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna qal li Saakashvili hu suspettat li rċieva l-fondi mingħand grupp kriminali b’rabtiet mal-eks President Ukren, Viktor Yanukovich. Jekk jinstab ħati, Mikheil Saakashvili jista’ jeħel sa ħames snin ħabs.
//= $special ?>

