Futbol Sport

Man United u Roma jikkwalifikaw u jaċċertaw mir-rebħ tal-grupp tagħhom

Il-plejers ta' Roma jiċċelebraw mal-partitarji tagħhom wara r-rebħa fuq Qarabag (Ritratt: EPA)

Manchester United, Paris Saint Germain, Roma u Barcelona spiċċaw bħala r-rebbieħa tal-gruppi rispettivi wara l-aħħar logħbiet tagħhom.

Roma irnexxielhom jirbħu Grupp Ċ wara li għelbu kif mistenni lil Qarabag 1-0 fi Stadio Olimpico. Il-gowl deċiżiv kien skorjat fit-53 minuta meta DIEGO PEROTTI beda l-azzjoni u qassam lejn Edin Dzeko, bix-xutt tal-attakkant ikun salvat parzjalment bl-istess Perotti jiskorja b’daqqa ta’ ras.

Chelsea naqsu milli jirbħu l-grupp bi draw ta’ 1-1 kontra Atletico Madrid fi Stamford Bridge. Atletico Madrid marru fil-vantaġġ fis-56 minuta permezz ta’ SAUL NIGUEZ, iżda Chelsea ġabu d-draw kwarta mit-tmiem b’awto-gowl ta’ Stefan Savic.

Manchester United kellhom idawru telfa f’rebħa biex jegħlbu lil CSKA Moscow 2-1 f’Old Trafford. VITINHO poġġa lir-Russi minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt mill-kaxxa li ħabat ma’ Alan Dzagoev u baqa’ dieħel fix-xibka, bil-plejers ta’ Manchester United jipprotestaw għal offside.

Ir-Red Devils ġabu d-draw fl-64 minuta meta Paul Pogba krossja tajjeb lejn ROMELU LUKAKU li mill-kaxxa għeleb lil Akinfeev. Żewġ minuti wara, Manchester United skorjaw il-gowl tar-rebħa wara li Juan Mata għadda lejn MARCUS RASHFORD li b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lill-gowlkiper Russu.

Basel aċċertaw mill-kwalifikazzjoni b’rebħa ta’ 2-0 fuq Benfica. MOHAMED ELYOUNOUSSI fetaħ l-iskor wara ħames minuti u DIMITRI OBERLIN irdoppja f’nofs it-tieni taqsima.

Paris Saint Germain naqsu li jirbħu l-grupp b’punti massimi wara li tilfu fl-Allianz Arena 3-1 kontra Bayern Munich. ROBERT LEWANDOWSKI fetaħ l-iskor fis-seba’ minuta, u CORENTIN TOLISSO rdoppja fis-37 minuta. KYLIAN MBAPPE naqqas id-distakk fil-51 minuta, iżda CORENTIN TOLISSO għalaq il-logħba bit-tielet gowl fid-69 minuta.

Anderlecht spiċċaw Grupp Ċ bl-ewwel rebħa wara li għelbu lil Celtic 1-0 barra minn darhom. Awto-gowl ta’ Jozo Simunovic iddeċieda l-konfront.

Barcelona għelbu lil Sporting 2-0 fil-Camp Nou biex rebħu l-grupp b’14-il punt u sofrew gowl biss. PACO ALCACER fetaħ l-iskor mas-siegħa logħob u għalqu l-logħba fid-90 minuta b’awto-gowl ta’ Jeremy Mathieu.

Mill-istess grupp, Juventus aċċertaw mill-kwalifikazzjoni wara li għelbu lil Olympiacos 2-0 fil-Greċja. JUAN CUADRADO fetaħ l-iskor wara kwarta logħob, b’FEDERICO BERNARDESCHI jagħlaq il-logħba bit-tieni gowl fid-90 minuta.