Futbol Sport

Pjanijiet minn Crystal Palace biex jiżviluppaw Selhurst Park

Id-dehra artistika ta' kif jista' jiġi Selhurst Park

Crystal Palace ħabbru pjanijiet biex jiżviluppaw Selhurst Park u jżidu l-kapaċità tal-istadium minn 26,000 għal 34,000 partitarju. Iċ-chairman Steve Parish ikkonferma li dan l-iżvilupp tal-istadium li għandu 93 sena se jiswa bejn €85 u €114-il miljun, bil-klabb mistenni japplika għall-permess lill-Kunsill ta’ Croydon f’Jannar bit-tama li x-xogħol jibda fit-12-il xahar li ġej.

Il-pjanijiet jinkludu stand ta’ ħames sulari li se jkun magħmul mill-ħġieġ fuq il-faċċata kif ukoll is-simbolu tal-ajkla. Dan id-disinn il-ġdid se jara l-pitch jikber biex ikun konformi mar-regolamenti tal-UEFA, titjib fl-infrastruttura għall-partitarji b’diżabbiltà u avvanza fil-faċilitajiet tad-divertiment u l-ospitalità.

Il-proġett li hu mistenni jieħu sa tliet snin biex jitlesta, qed jiġi disinjat mill-arkitetti KSS, il-kumpanija wara l-iżvilupp ta’ stadiums bħal Anfield, Twickenham u Wimbledon. “Irridu stadium li jirrifletti min aħna, kemm irnexxielna niksbu u fejn irridu mmorru, stadium li n-naħa ta’ isfel ta’ Londra tista’ tkun kburija bih, kif ukoll dar tajba biżżejjed għas-sapport inkredibbli u l-atmosfera unika,” qal iċ-chairman Steve Parish.