Lokali Qorti

Provi biżżejjed biex il-kanvasser ta’ Evarist Bartolo jitpoġġa taħt att ta’ akkuża

Edward Caruana, l-eks kanvasser tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, se jitpoġġa taħt att ta’ akkuża. Dan wara li l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, iddikjarat li hemm biżżejjed provi prima facie sabiex ikomplu proċeduri kontrih.

Caruana ta’ 57 sena mir-Rabat, kien akkużat li bħala uffiċjal jew impjegat f’amministrazzjoni pubblika, ixxaħħam billi esiġa flus jew ħwejjeġ oħra bħala salarju għad-dmirijiet tiegħu. Dan kontra l-liġi jew iżjed minn dak li tippermetti l-liġi.

Hu kien akkużat ukoll li esiġa dawn il-ħlasijiet permezz ta’ theddid jew abbuż ta’ awtorita’ kif ukoll b’falsifikazzjoni ta’ dokumenti. L-akkużi, kienu tressqu baxx baxx mill-Pulizija fit-30 ta’ Ottubru li għadda.

L-Allegazzjonijiet fil-konfront tal-eks kanvasser tal-Ministru Evarist Bartolo feġġew fis-sajf tal-2016 meta Caruana, li tpoġġa fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, kien qed jitlob somom sostanzjali ta’ flus minn kuntratturi biex iħaffef ir-rilaxx ta’ pagamenti dovuti lilhom fuq xogħolijiet fi skejjel tal-Gvern. Dawn qajjmu diversi mistoqsijiet hekk kif fl-istess żmien, Edward Caruana qed jiżviluppa blokka kbira ta’ appartamenti fir-Rabat.

F’każ minnhom, kuntrattur Għawdxi allega li Caruana kien talbu €30,000 biex iħaffef pagament fuq xogħolijiet li saru fuq l-estensjoni tal-bini tas-Sixth Form Mikielanġ Refalo fir-Rabat Għawdex.

Dawn l-allegazzjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Ministru Evarist Bartolo, wasslu biex f’Diċembru li għadda, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada Philip Rizzo jirriżenja mill-kariga.