Internazzjonali

Spanja tirtira mandat għall-arrest ta’ Puigdemont u l-kollegi Katalani

 

Imħallef fi Spanja rtira l-mandat tal-arrest internazzjonali għall-eks President tal-Katalonja, Carles Puigdemont, u erba’ Ministri Katalani li kienu ħarbu lejn il-Belġju madwar xahar ilu. Puigdemont u l-kollegi Katalani telqu minn Spanja ftit wara li huma ddikjaraw l-indipendenza unilaterali tal-Katalonja wara referendum għall-indipendenza tar-reġjun li kien iddikjarat illegali mill-Gvern ta’ Madrid.

Sadanittant, Puigdemont u l-Ministri Katalani xorta jistgħu jiffaċċjaw akkużi dwar rewwixta u ‘azzjonijiet oħra kontra l-awtorità tal-Istat’. Dan meta l-aġir għal rewwixta jibqa’ fost l-aktar reati serji fi Spanja, b’kundanna tista’ tirriżulta fi 30 sena priġunerija.

L-Imħallef tal-Qorti Suprema Spanjola, Pablo Llareno, intant, ħabbar li kien qed jirtira l-mandat għall-arrest internazzjonali fil-konfront ta’ Puigdemont u sħabu fejn irrefera għall-fatt li l-Mexxejja Katalani wrew dispożizzjoni li jirritornaw fi Spanja qabel l-elezzjonijiet reġjonali ġodda (għall-Katalonja) li jsiru fil-21 ta’ Diċembru.

It-tneħħija tal-mandat tfisser ukoll li Spanja jkollha kontroll sħiħ fuq l-investigazzjoni.

Qabel l-iżviluppi kien hemm stennija li maġistrat fil-Belġju kien se jiddiċiedi, fl-14 ta’ Diċembru, jekk jestradix lill-Ministri Katalani lejn Spanja. Intant, Puigdemont u l-erba’ Katalani l-oħra rreżistew il-pass fuq il-bażi li ‘huma ma setgħux ikunu garantiti minn proċess tal-qorti xierqa fi Spanja’.

Fil-bidu tal-ġimgħa, sitt eksministri Katalani li kienu qed jinżammu l-ħabs f’Madrid ingħataw il-libertà proviżorja. Iżda tnejn oħra, fosthom l-eks Viċi-President Katalan, Orial Junqueras, baqgħu fi stat ta’ priġunerija.

Il-kampanja għall-elezzjonijiet reġjonali fi Spanja issa bdiet uffiċjalment, u Puigdemont – li kien qed jitkellem b’videolink minn Madrid — qal li l-proċess huwa ‘għażla bejn pajjiż (tal-Katalonja) jew sitwazzjoni ta’ sottomissjoni mill-Katalani ( lil Madrid)’.