Tliet persuni li ilhom arrestati mill-bieraħ filgħodu mistennija jitressqu l-Qorti għall-ħabta tal-10:00PM.
Dawn huma l-aħwa Degiorgio, Alfred Degiorgio (magħruf bħala l-fulu) u George Degiorgio (magħruf bħala ċ-Ċiniz) kif ukoll Vincent Muscat (magħruf bħala l-Koħħu).
Il-persuni l-oħra li ġew arrestati fl-operazzjoni tal-bieraħ se jingħataw police bail, skont il-liġijiet tal-pajjiż.
Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija kkonfermat li se jitressqu tliet persuni kif kien ġie rappurtat fil-midja iktar kmieni. L-istqarrija ssemmi li d-dettalji li nġabru mill-Pulizija se jkunu qed jintużaw fil-fażi tal-provi fil-kumpilazzjoni u dawn se jsiru pubbliċi f’dik il-fażi.
L-istess stqarrija semmiet kif l-FBI, il-Europol u n-National Investigations Bureau tal-Fillandja, kollha pprovdew għajnuna importanti ħafna biex il-Pulizija Maltija tasal għall-arresti tal-bieraħ. Għalhekk, fl-istqarrija, il-Pulizija rringrazzjat lil dawn is-servizzi tal-għajnuna importanti li offrew.
Fil-bini tal-Qorti għadu kif wasal il-Maġistrat Neville Camilleri.
//= $special ?>

