Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, ħareġ twissija li jista’ jaqta’ ir-relazzjonijiet mal-Iżraeljani, f’każ li l-Istati Uniti tirrikonoxxi l-belt ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
Erdogan wissa li l-Musulmani jqisu pass ta’ dan it-tip minn Washington bħala ‘miżura li taqbeż il-linja l-ħamra.’ Dan waqt li numru qed jiżdied ta’ pajjiżi ħeġġew lill-President Amerikan Donald Trump biex ma jħabbarx ir-rikonoxximent b’mod uffiċjali – u bħalma hu mistenni.
Ir-rapporti qalu li l-President Trump, din il-ġimgħa, ‘għandu jibdel b’mod drammatiku’ il-pożizzjoni tal-Istati Uniti dwar l-istatus ta’ Ġerusalemm. L-istatus proprju ta’ Ġerusalemm jibqa’ fost l-aktar issues delikati u problematiċi bejn Iżrael u l-Palestinjani.
Fl-istess ħin, Tayyip Erdogan irrepeta li ‘fiċ-ċirkustanzi, it-Turkija tista’ tasal biex twarrab mill-kuntatti diplomatiċi ma’ Iżrael’. Dan meta Donald Trump, fil-bidu tal-ġimgħa, naqas milli jimpenja ruħu biex jipposponi t-trasferiment tal-Ambaxxata Amerikana minn Tel Aviv għal Ġerusalemm. L-għarfien ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael kien wiegħda elettorali ta’ Trump, li, għalissa, għadha mhix irrealizzata.
Jekk l-Istati Uniti tirrikonoxxi tassew lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, issir l-ewwel pajjiż li jkun għamel dan mindu twaqqaf l-Istat Iżraeljan fl-1948.
//= $special ?>

