Vlad Baldacchino u Elisia Scicluna kisbu l-aktar unuri prinċipali fil-Kampjonati Nazzjonali organizzati mill-Malta Weightlifting Association il-Ħadd li għadda fl-aħħar kompetizzjoni tas-sena. F’dawn il-kompetizzjonijiet, kien hemm diversi rekords kif ukoll riżultati personali ġodda.
Il-kategorija tal-irġiel tal-94 kilo kienet missielta u eċċitanti. Vlad Baldacchino, Rodmar Pulis u Owen Bugeja kienu qrib xulxin u kienu ftit kilos li għamlu d-differenza. Baldacchino spiċċa rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali bi snatch faċli ta’ 115-il kilo fis-snatch u 135 kilo fil-clean and jerk għal total ta’ 250 kilo.
Rodmar Pulis temm it-tieni bi snatch ta’ 98 kilo u clean jerk impressjonanti ta’ 140 kilo. B’dan ir-riżultat, Pulis jinsab kważi lura fl-aqwa tiegħu wara li kien għadu qed jirkupra minn injuries li kellu s-sena li għaddiet. Owen Bugeja spiċċa t-tielet b’refa’ totali ta’ 226 kilo fil-kategorija tal-kbar u spiċċa l-ewwel fil-kategorija għal dawk ta’ anqas minn 20 sena.
Fil-kategorija tal-85 kilo kien hemm battalja sabiħa bejn Matthew Camilleri u r-rebbieħ tal-kampjonat nazzjonali tas-sena l-oħra Kyle Micallef. Tal-ewwel rebaħ il-kategorija b’refa’ totali ta’ 240 kilo, tnejn aktar minn Micallef. Fl-istess kategorija, Andy Grech spiċċa l-ewwel għal dawk ta’ anqas minn 20 sena.
Michael Fava ddomina l-kategorija ta’ 77 kilo kif ukoll tejjeb it-total tiegħu b’ħames kilo wara l-prestazzjoni impressjonanti li kellu fis-Serbja. Hu għalaq il-kompetizzjoni b’total ta’ 210 kilo. Ryan Degiorgio kiseb għall-ewwel darba l-ewwel post għal dawk ta’ anqas minn 20 sena fil-kategorija tad-69 kilo.
Wieħed mill-iżgħar atleti Rylee Borg waqqaf seba’ rekords nazzjonali fil-kategorija tal-50 kilo b’refa’ totali ta’ 87 kilo, filwaqt li Kyle Camilleri għamel rekord nazzjonali fil-kategorija tal-50 kilo, b’refa’ totali ta’ 64 kilo.
Il-kategorija tan-nisa kienet dominata partikularment minn żewġ atleti. Elisia Scicluna spiċċat b’refa’ totali ta’ 156 kilo u b’hekk rebħet il-kategorija tal-75 kilo. Christina Grima li hu isem pjuttost ġdid fil-weightlifting lokali rebħet il-kategorija tad-69 kilo, b’refa’ totali ta’ 144 kilo li kien biżżejjed biex tispiċċa fuq quddiem.
Shelby Mangion Vassallo wkoll kisbet riżultati importanti. Ġimagħtejn biss wara l-prestazzjoni li kellha fis-Slovenja, Vassallo refgħet 58 kilo fis-snatch biex għamlet żewġ rekords nazzjonali fil-kategoriji ta’ taħt is-17 u l-20 sena.
Daniela Xuereb waqfet ukoll rekord nazzjonali fil-kategorija tat-48 kilo, bl-attentat tagħha ta’ 38 kilo. Tenishia Thorton li għad għandha 12-il sena, kisret disa’ rekords nazzjonali u għamlet l-aħjar lifts perdonali b’refa’ ta’ 70 kilo fil-kategorija tal-40 kilo.
//= $special ?>