Villa San Injazju, meqjusa bħala waħda mill-ewwel espressjonijiet tal-istil neo gotiku f’pajjiżna, tinsab f’riskju li titwaqqa’ wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet diġa tniżżlet parti mill-binja mingħajr permess.
Filfatt jirriżulta li l-ordni tal-Awtorità tal-Ippjanar kienet biss li jitneħħa l-periklu minn uħud mill-partijiet tal-villa u li ssir il-manutenzjoni meħtieġa.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata minn Din l-Art Ħelwa, din l-għaqda ambjentali appellat lill-awtoritajiet biex tinħareġ ordni ta’ nfurzar u tiġi skedata biex tkun protetta l-villa.
Din il-binja storika ssemmiet għall-ewwel darba f’dokument tal-1839 u ntużat bħala kulleġġ protestant qabel għaddiet f’idejn il-Ġiżwiti u wkoll serviet bħala kulleġġ. Anke t-triq ta’ biswitha, Old College Street, ħadet isimha.
It-tħassib hu li l-azzjonijiet ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienu biss l-ewwel pass biex fil-ġimgħa li ġejjin jitwaqqa’ l-kumplament tal-binja.
Dan hekk kif ir-residenti diġa ngħataw akkomodazzjoni alternattiva u mistennija jevakwaw il-villa fix-xhur li ġejjin.
Maria Grazia Cassar, President ta’ Din L-Art Ħelwa, esprimiet tħassib li attwalment fil-pajjiż il-kuntratturi qed isibuha wisq faċli biex jiżviluppaw binjiet simili.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ħeġġet lill-awtoritajiet jieħdu l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex “ma jħallux il-ġenn li nibnu akkost ta’ kollox ikompli jagħmina, hekk li nħarbtu saħansitra dak li jagħtina identità ta’ poplu.”
“Għall-kuntrarju,” tgħid il-Kummissjoni, “jeħtieġ naħdmu biex nippreservaw il-wirt arkitettoniku mill-ferneżija ta’ twaqqiegħ ta’ bini, u mill-konverżjoni ta’ bini eżistenti f’appartamenti, li wliedna jridu jissallbu biex jikru jew jixtru, bi gwadann għall-ispekulaturi. Din il-ferneżija qed twassal biex titmermer il-fibra soċjali u narmu l-wirt prezzjuż kollu li ħallewlna missirijietna.”
Bl-istqarrija ttemm b’appell biex l-awtoritajiet kompetenti sabiex jaġixxu qabel ikun tard wisq. “Sakemm każijiet bħal dan jibqgħu għaddejjin u min hu responsabbli ma jieħu ebda azzjoni bil-fatti, wieħed ikollu raġun jaħseb li fl-industrija tal-kostruzzjoni abbużi simili huma aċċettati.”



