Lokali

Daphne Caruana Galizia ma kienet qed tinvestiga lil ħadd fost l-għaxar suspettati arrestati t-tnejn filgħodu

Għal kuntrarju ta’ dak li rrapurtaw uħud mill-kmamar tal-aħbarijiet, Daphne Caruana Galizia ma kienet qed tinvestiga l-ebda persuna li ġiet arrestata nhar it-Tnejn b’rabta mal-każ. Fi stqarrija maħruġa mill-qraba tal-vittma li dan jista’ jiġi verifikat faċilment jekk persuna tfittex isimhom fuq il-blog ta’ Caruana Galizia.

Fl-istqarrija ġie spjegat li l-ismijiet tas-suspettati li ġew rilaxxati fuq police bail l-ewwel ma’ ġew nominati kienu f’pubblikazzjoni Taljana fejn ġie spjegat li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kitbet b’mod frekwenti dwar persuna minnhom, Adrian Agius. Il-qraba sostnew li jekk wieħed ifittex lil Adrian Agius fuq www.daphnecaruanagalizia.com  joħroġ fid-deher li kull ma’ kitbet il-blogger kienu 3 artikli qosra, li fuq kollox mhux investigattivi u li kollha ġew ppublikati ‘il fuq minn 3 snin ilu kollha fl-istess ġurnata, lura f’Ottubru tal-2014. Huma insistew li ma kien hemm l-ebda artikli qabel jew wara dwar din il-persuna partikolari bħal m’hemmx artikli dwar Robert Agius, Rudy Camilleri, Anton Cachia, Jamie Vella, Sandro Cilia jew Miguel Caruana, li kollha kemm huma jinsabu barra fuq police bail. Dan filwaqt li fil-blog lanqas ma jissemmew Vincent Muscat, George DeGiorgio jew Alfred DeGiorgio – it-3 persuni li tressqu l-Qorti tard it-Tlieta filgħaxija.

Fl-istqarrija l-qraba insistew li l-blog ta’ Daphne Caruana Galizia baqa’ intatt kif kien fil-ġurnata li tilfet ħajjitha, u ser jibqa’ hekk indefinitivament. Huma saħqu li m’hemmx pjani sabiex is-sit elettroniku jew xi artiklu partikolari jitneħħa kif ukoll s’issa għadu ma żdied xejn fil-kontenut tal-blod. Kollox mistenni jibqa’ bl-istess format bħal ma ġew ippublikati minn Daphne Caruana Galizia nnifisha.

Il-blog ġie deskritt bħala rendikont tal-opinjonijiet ta’ Daphne bir-rapporti u l-investigazzjonijiet tagħha fejn dejjem ħadmet sabiex toħroġ il-verità.