L-alternattiva għall-Gvern modern, kompetenti u tassew qrib in-nies huwa biss il-Partit Nazzjonalista. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt laqgħa mal-Kunsilliera u l-Kumitati Sezzjonali tad-disa’ u l-għaxar distretti, fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’San Ġwann.
Il-Gvern ta’ Joseph Muscat jisma’ dak li jaqbillu u jattwa l-policies li jġibulu l-aktar voti, qal Adrian Delia. Iżda huwa qal li mill-banda l-oħra l-Partit Nazzjonalista jrid joħloq bilanċ bejn il-valuri li mexxew lil pajjiżna ‘l quddiem u l-bżonnijiet li jkunu qed jesprimu n-nies.
Adrian Delia qal li f’soċjetà li trid tippreserva l-prinċipji demokratiċi huwa mportanti li l-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili jsemmgħu leħinhom. Iżda, huwa qal, irid ikun il-Partit Nazzjonalista magħqud li jitkellem f’isem in-nies sabiex il-Gvern jibdel il-mod kif jimxi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni tista’ tagħmel differenza konkreta fil-ħajja tan-nies billi titkellem bil-vuċi tal-poplu, u turi lill-Gvern dak li tassew qiegħdin iħossu l-familji u l-komunitajiet. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ma jiddejjaqx jinsisti mal-Gvern meta dan jiżbalja iżda issa jrid juri wkoll li għandu alternattiva għall-mod kif jimxi l-Gvern.
Adrian Delia qal li l-iskop tal-laqgħat fid-distretti mhuwiex biss li jkun hemm kuntatt ġdid iżda li jkun hemm mod prattiku kif il-politiċi jkunu jistgħu jiżviluppaw politika mibnija fuq in-nies.
Adrian Delia fakkar kif illum qed jiġi mfakkar il-31 anniversarju mill-qtil ta’ Raymond Caruana u tenna li huwa nkwetanti li f’dawn iż-żminijiet qed naraw parallel fis-sitwazzjoni ta’ pajjiżna. Il-kap tal-Partit Nazzjonalista mexxa minuta ta’ silenzju biex jitfakkar l-anniversarju ta’ Raymond Caruana.
//= $special ?>

