Il-belt Siġġiewija, Città Ferdinand, sebħet tiċċelebra bil-kbir is-6 ta’ Diċembru, il-Festa Liturġika tal-Patrun San Nikola ta’ Bari.
Fost ix-xeni li sabu lesti għalihom it-tfal tal-Iskola Primarja Sant’ Injazju tas-Siġġiewi f’għodwa xemxija, huma esperjenzaw id-daqq tal-marċi brijużi miż-żewġ baned Siġġiewin, xi armar tal-festa f’Ġunju, it-tfiegħ ta’ karti minn fuq il-bjut, id-daqq tal-qniepen mill-kampnari u l-ħruq tal-logħob tan-nar mill-bejt tal-Knisja Arċipretali. It-tbissima fuq fomm it-tfal kienet evidenti hekk kif id-dilettanti tal-festa Siġġiewija jtellgħu din il-festa mat-tmexxija tal-iskola sabiex irawwmu lil dawn it-tfal iħobbu lil raħal twelidhom u l-Patrun tagħhom.
Il-purċissjoni tat-tfal bdiet mill-bitħa tal-istess skola għal tul iċ-ċentru storiku sakemm waslet f’Misraħ San Nikola għad-dħul trijunfali fil-Knisja. Apparti s-sehem tal-Banda San Nikola u s-Siġġiewi Festival Brass Band, għadd ta’ tfal libsu xi kostumi partikolari fosthom tal-Gran Mastru Ferdinand Von Hompesch u l-istess San Nikola.
Preżenti għal din il-Festa tat-Tfal kien hemm ir-raġel tal-President ta’ Malta, is-Sur Edgar Preca, li nnutajnieh jammira t-tfal tal-istess skola jimlew l-ittri tal-kelma ‘L-ISTRINA’ bil-muniti li ġabru huma stess biswit l-istatwa ta’ San Nikola fil-Pjazza.
Intant, l-attivitajiet tal-Festa Liturġika ssuktaw l-Erbgħa filgħaxija bil-quddiesa tal-festa u l-festi esterni.
//= $special ?>