Lokali

Federazzjoni internazzjonali tappella għal investigazzjoni li tmur lil hinn mill-aspett forensiku

Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti, l-IFJ, fi stqarrija qalet li tilqa’ l-arrest ta’ tliet persuni b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, iżda tappella għal investigazzjoni imparzjali u aktar fonda dwar l-evidenza f’dan il-każ.

Fl-istqarrija, l-IFJ qalet li wara stqarrijiet mill-familja tal-ġurnalista, qed tappella għal investigazzjoni indipendenti u imparzjali mhux biss dwar l-evidenza superfiċjali tal-qtil, imma anke dwar evidenza li tidħol fil-fond ta’ dak li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga.

L-IFJ innutat li l-familja Caruana Galizia qalet li l-investigazzjoni qed tiffoka biss fuq l-aspett forensiku waqt li tonqos milli tinvestiga transazzjonijiet finanzjarji li jistgħu jikxfu evidenza essenzjali.

Sadanittant, l-IFJ fl-istqarrija tagħha fakkret ukoll li l-familja tal-ġurnalista qed tilmenta li l-investigazzjonijiet ma jistgħux ikunu imparzjali u indipendenti minħabba li fl-investigazzjoni hemm persuni li tkellmet dwarhom Daphne Caruana Galizia.

Kien f’dan il-kuntest li l-IFJ appellat li jkun hemm investigazzjoni indipendenti u imparzjali li tidħol fil-fond anke ta’ evidenza miġjuba minn transazzjonijiet finanzjarji u minn investigazzjonijiet dwar dak li kienet qed tinvestiga Caruana Galizia.

Fl-istqarrija, il-Federazzjoni tal-Ġurnalisti Internazzjonali innutat ukoll dak li qal l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, li qal jilqa’ l-aħbarijiet riċenti fejn tressqu tliet persuni l-Qorti b’rabta mal-qtil. L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal ukoll li l-Gvern għandu jikkunsidra sentenzi aktar ħorox għal min jinstab ħati ta’ kriminalità, theddid u intimidazzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti. Dan bl-iskop li ħadd ma jħoss li jgawdi minn impunità waqt li jhedded lill-ġurnalisti.