It-tħejjijiet għad-disa’ edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem jinsabu fl-aqwa tagħhom hekk kif nhar il-Ħadd, 10 ta’ Diċembru, dan il-villaġġ tan-Nattività ser jiftaħ il-bibien tiegħu uffiċjalment għall-pubbliku. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Sindku u l-kunsilliera tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem.
Għal sena oħra ir-raħal ta’ Għajnsielem se jilqa’ eluf ta’ viżitaturi, kemm lokali kif ukoll barranin, li jagħżlu lil Għawdex għal żmien il-Milied fejn, permezz tal-edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem ta’ din is-sena, se tkompli tissaħħaħ l-esperjenza unika tal-Milied f’Għawdex. Il-presepju se jkun mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru ta’ art u animat b’aktar minn 150 attur.
Is-Sindku ta’ Għajnsielem Franco Ciangura spjega l-attrazzjonijiet ġodda li ġew varati din is-sena, bi skop li t-tradizzjoni lokali tibqa’ sinonima u tissaħħah f’dawn il-jiem ta’ festi. Is-Sindku għamel stedina lin-nies sabiex jattendu u jesperjenzaw xi ħaġa unika f’pajjiżna, fejn il-kultura u t-tradizzjonijiet ġew amalgamati mal-istorja tan-Nattività.
Betlehem f’Għajnsielem ser jiftaħ għall-pubbliku nhar il-Ħadd, 10 ta’ Dicembru 2017, u se jibqa’ miftuħ sal-Ħadd, 7 ta’ Jannar 2018, fejn jagħlaq is-separju bil-wasla tat-tlett slaten maġi u l-adorazzjoni tal-bambin Ġesù.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna fuq is-sit ta’ Facebook intitolata ‘Presepju Betlehem f’Għajnsielem Għawdex’.
//= $special ?>