Lokali Mużika

FILMAT: Amber b’verżjoni ġdida ta’ ‘Ninni la tibkix iżjed’; u b’risq il-missjoni

Il-Kantanta Amber nediet verżjoni ġdida tal-kanzunetta ‘Ninni La Tibkix Iżjed’ b’vidjo li jwassal messaġġ ċar dwar il-faqar u x-xogħol fil-missjoni.

Amber li ta’ kull sena tagħmel xogħol volontarju fl-Afrika mal-grupp Mzungu Mission, ħejjiet dan il-vidjo bl-għajnuna ta’ Elton Zarb u b’filmati ta’ Olwyn Jo Saliba biex twassal messaġġ dwar il-bżonn li ngħinu lil dawn il-persuni, b’mod speċjali tfal.

F’kummenti fuq il-paġna tagħha ta’ facebook, Amber qalet li “Bla ma rrid, meta nkanta din id-diska niftakar f’dawk it-tfal kollha li bħal Ġesu twieldu fil-faqar u jgħixu l-ħajja ġurnata b’ġurnata għaliex l-unika ħaġa li għandhom fiċ-ċert huwa dak l-mument li qegħdin fih. ‘Ninni La Tibkix Iżjed’ saret tfakkarni fil-mumenti li qattajt fl-Afrika, fejn il-faqar rajtu u għextu.”

Amber sostniet, “kemm għandhom x’jagħlmuna dawn it-tfal, kemm ma nafu xejn! Ma nista’ ninsa qatt it-tbissima fuq wiċċ dawn it-tfal, li kienet timlini b’ħafna ferħ, paċi u serenita`. Mhux l-ewwel darba li staqsejt lili nnifsi x’ser issir minnhom la jikbru u meta nerġa’ niġi jkunux għadhom hawn.”

Amber, li żaret fost ohrajn it-Tanzania, il-Kenja u Rwanda żidet tgħid, “li dawn il-mumenti għallmuni napprezza iżjed dak kollu li għandi madwari u orewni li, bi ftit imħabba lejn il-proxxmu, nistgħu nagħmlu bidla.” Hi ddedikat din id-diska lil dawn it-tfal kollha u tgħidilhom: “Ninni la tibkux iżjed, ninni tfal tal-bambin, ħalluh għalina l-biki għax AĦNA l-midinbin”.

Il-grupp li tagħmel parti minnu Amber, Mzungu Mission, kull sena jagħmel xogħol volontarju ma’ foqra, u sa issa l-grupp għamel diversi proġetti ta’ edukazzjoni, saħħa u relatati mal-ilma fil-Kenja u pajjiżi oħra fl-Afrika.