L-ambjent tal-Milied se jkun jista’ jigawda minn qalb l-annimali, fosthom grupp imdaqqas ta’ ċriev li hemm fir-razzett tal-Gvern fl-Għammieri. Dan hekk kif il-Ħadd li ġej, ir-razzett se jkun qed jiftaħ il-bibien għall-familji kollha għal villaġġ tal-Milied.
Tkellimna ma’ Ray Attard, uffiċjal għoli tar-Rural Festivities Unit li qed jorganizza l-villaġġ tal-Milied fl-Għammieri.
“Nhar il-Ħadd ikollna l-ġurnata propja tal-villaġġ tal-Milied. Dan ħa jiftaħ fid-9 ta’ filgħodu u ħa jkun sal-5 ta’ filgħaxija, ħa jkun rekord f’dak li għandna esebituri ta’ affarijiet, dekorazzjonijiet tal-Milied, area tat-tfal fejn jilgħabu, sparar bil-qaws, żwiemel u ħmar imlibbsin għall-okkażjoni biex irkkbu n-nies. Barra minn hekk ħa jkollna l-Father Christmas ukoll li ħa jkun dak li jkun jista’ jieħu ritratti lit-tfal miegħu u jagħtu donazzjoni għall-għaqda ‘Qalb it-Tfal’,” qal Ray Attard.
U kull min jieħu ritratt mal-Father Christmas, se jingħata rigal ukoll. Imma dan kollu jista’ jitgawda qalb l-annimali, li t-tfal se jkunu jistgħu jaraw mill-qrib. Fosthom grupp imdaqqas ta’ ċriev, li dwarhom tkellimna ma’ Philip Aquilina, li jieħu ħsiebhom.
“Bħala karetteristiċi huma ħafna minnhom ikollhom dawk l-ispots bojod imma jistgħu jkunu minn bojod sa suwed,” qal. “Karatteristika oħra hija li l-irġiel ikollhom il-qrun u n-nisa le. Xi ħaġa oħra li forsi mhux kulħadd ikun jaf hija li l-irġiel iwaqqgħu l-qrun ta’ kull sena. Jiġifieri tista’ tiġi perjodu fis-sena fejn ssib l-irġiel bla qrun ukoll. Dan iwaqqugħ kull sena itellugħ għal żmien il-breeding biex jimpressjona lill-mara u anke biex jiġġieldu għad-dominanza min ħa jgħammar,” żied jispjega.
Din is-sena twieldu l-akbar ammont ta’ ċriev fl-aħħar snin. “Għal ħafna min-nies, speċjalment għall-Maltin, ikun l-ewwel darba li raw ċerva. Hija esperjenza sabieħa. Huwa annimal fidili kif qed taraw, ġifieri huma stess jieħdu azzenzjoni meta jaraw lil xi ħadd imorru jittawwlu għax huma kurjużi bħal kumplament tal-annimali. Nistiednu lil kull min jixtieq jiġi jarahom, se jkunu hawnekk biex ikun jista’ jarhom kulħadd,” temm jgħid.
Nhar il-Ħadd, il-villaġġ tal-Milied fl-Għammieri jagħlaq fil-5pm.
//= $special ?>