Lokali

“Iftaħli flixkun inbid” – l-aħħar SMS ta’ l-akkużat bil-qtil ta’ Daphne; fil-baħar jinstabu 8 mobiles b’konnessjoni ma’ 8 bombi

L-Erbgħa filgħodu fil-Marsa
Żvelati aktar dettalji dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

“Iftaħ flixkun inbid għalija.” Dan kien l-sms li George Degiorgio ċ-Ċiniż allegatament bagħat lill-mara tiegħu ftit wara li qabbad il-bomba li qatlet kiesaħ u biered lil Daphne Caruana Galizia.

Hekk irrapporta fil-ħarġa tal-lum il-ġurnal Taljan La Repubblica hekk kif fl-artiklu joħroġ fid-deher li t-tliet akkużati li dehru l-Qorti quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri nqabdu b’ċertu dettalji li ħarbu mill-attenzjoni ta’ George Degiorgio. Sorsi li allegatament kellhom aċċess għall-investigazzjoni tal-Pulizija żvelaw mar-Repubblica li waqt li ċ-Ċiniż kien qiegħed f’nfos ta’ baħar abbord il-cabin cruiser, huwa bagħat lil martu sms bl-Ingliż, “Open a bottle of wine for me, baby”. Ir-rapport jiddeskrivi dan bħala żball min-naħa tal-awturi ta’ din it-traġedja li fuq kummisjoni li l-mandant tiegħu għadu misteru, aċċettaw li jwettqu dan l-assassinju. Iżda dan mhux biss.

Dan hekk kif allegatament, waqt li Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘Il-Fulu’ u Vincent Muscat, ‘Il-Koħħu’, kienu qed jgħassu lill-ġurnalista fil-Bidnija, George Degiorgio intebaħ li l-mowbajl minn fejn kellu jibghat l-SMS li kellu jisplodi l-bomba tilja splussiv, li allegatament tpoġġiet taħt is-seat tal-karozza tal-ġurnalista għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu tas-16 ta’ Ottubru, kien jinsab bla kreditu.  U kien dak li allegatament għamel li waqqa’ ċ-ċertezza kollha fuqu – hekk kif permezz ta’ mowbajl ieħor li qiegħed proprju fuq ismu, iċ-Ċiniż ċempel persuna oħra li taħdem ma’ kumpanija tat-telfonija sabiex iżidlu l-kreditu fil-mowbajl li kellu jwettaq l-atroċità li kulħadd jaf.

Din mhux l-ewwel bomba li ħadmu fuqha l-aħwa hekk kif minn tal-inqas kellhom sehem fi 8 oħra

La Repubblica tirraporta li l-ħoss li riegħed il-Mosta u l-lokalitajiet tal-madwar wassal fi tmiem xogħol li l-aħwa Degiorgio u Muscat kienu ilhom iħejju xahrejn. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li din mhux l-ewwel bomba li ħadmu fuqha l-aħwa hekk kif minn tal-inqas kellhom sehem fi 8 oħra minħabba l-fatt li allegatament il-Forzi tal-Ordni Maltin irkupraw tmien mowbajls mill-qiegħ tal-Port il-Kbir, fejn George Degiorgio kien jeħles minnhom – fosthom ukoll il-mowbajl li ntuża sabiex jeqred lill-ġurnalista.

Il-ġurnal Taljan allega li l-aħwa Degiorgio jgawdu miċ-ċertezza tal-impunità hekk kif skonthom minn hekk biss wieħed jista’ jfisser kif pereżempju George, li ma jidhirx li huwa impjegat x’imkien, ikollu fil-garage tar-residenza tiegħu; Corvette u Audi Q7. Huma insistew li t-tliet akkużati ma kellhom l-ebda interess joqtlu lil Daphne minħabba li fost oħrajn hija tul is-snin li kienet ilha tikteb, qatt ma semmiethom jew irreferiet għalihom b’mod jew ieħor. Għaldaqstant wieħed jasal għall-konklużjoni li dawn in-nies ġew mqabbda minn xi persuna jew persuni. La Repubblica azzardat tallega wkoll li l-Pulizija Maltija qed tinvestiga t-teorija li l-aħwa Degiorgio u Muscat tqabbdu minn sekonda persuna li serva ta’ intermedjarju sabiex il-mandant ewlieni ma jinqabadx.

Il-membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi sostna mal-ġurnal li l-omiċidju ta’ Daphne seta’ kien evitat li kieku kienet protetta mill-awtoritajiet. Dan filwaqt li stqarr li issa ninsabu fi stadju sabiex naraw il-katina ta’ persuni assoċjati mal-akkużati bil-għan li wieħed jasal għall-mandanti li mhux bilfors kellhom x’jaqsmu mal-kuntrabandu tad-diesel bejn Malta u l-Libja. Jason Azzopardi xeħet l-attenzjoni wkoll fuq s-sebgħa u erbgħin kawża pendenti l-Qorti li kellha Daphne fl-aħħar erba’ snin. 77% minnhom kienu ġejjin minn finanzjaturi u esponenti tal-Partit Laburista, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, u l-Ministri Konrad Mizzi u Chris Cardona.

Fosthom, spjega Jason Azzopardi, hemm il-kwistjoni tal-bejgħ tal-passaporti, hekk kif l-istess Caruana Galizia kixfet e-mails ta’ korrispondenza bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u Keith Schembri u l-President ta’ Henley & Partners Christian Kalin, is-soċjetà li poġġiet fuq saqajha l-iskema tal-Gvern tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. F’din il-korrispondenza, Muscat u ċ-Chief of Staff baxxew rashom għall-hekk deskritta aggressjoni ġudizzarja fil-konfront ta’ Daphne u kull ġurnalist ieħor li kien ser jappoġjaha quddiem il-Qrati Brittaniċi.

Fi stqarrija li ħarġet l-Erbgħa filgħaxija l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qalet li l-ġurnalista ma’ kienet qed tinvestiga l-ebda mill-persuni arrestati it-Tnejn filgħodu b’konnessjoni mal-qtil tal-ġurnalista. Il-familja kienet qed tirreaġixxi għal rapporti fil-ġurnali wara li t-Tlieta 3 persuni tressqu l-Qorti u wara li kienu żvelati l-ismijiet tal-persuni l-oħra arrestati. Il-familja madanakollu tinnota li sa issa mhux magħruf jekk u min ikkummissjoni l-qtil tal-ġurnalista.

Il-familja sostniet li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qatt ma kitbet artikli jew investigat il-persuni li tressqu l-Qorti, George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vincent Muscat.