Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Kundanna fost il-kriżi ġdida dwar Ġerusalemm; Stqarrija tal-PN

Alleati tradizzjonali tal-Istati Uniti żiedu leħinhom mal-kor ta’ kundanna għad-deċiżjoni tal-President Amerikan, Donald Trump, biex jirrikonoxxi l-belt ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael.

L-Arabja Sawdija fissret il-politika tal-Amerikani bħala ‘inġusta u irresponsabbli’, waqt li Franza u r-Renju Unit sostnew li huma ma jappoġġjawx id-deċiżjoni ta’ Washington.

Iżda l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, faħħar ‘id-deċiżjoni storika’ u qal li ‘aktar pajjiżi se jsegwu lill-Istati Uniti u jagħrfu Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael’.

Id-dikjarazzjoni minn Trump dawwret lura politika Amerikana – effettiva għal għexieren ta’ snin – rigward issue mill-aktar sensittiva bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.

L-aħħar żviluppi qed jheddu kriżi kbira ġdida fil-Lvant Nofsani, b’mijiet ta’ truppi Iżraeljani qed iduru madwar ix-Xatt tal-Punent fost protesti u strajks mill-Palestinjani. Numru ta’ Palestinjani ndarbu waqt konfronti li għaddejjin, bħalissa, mat-truppi fit-toroq tax-Xatt tal-Punent, bit-tensjoni tibqa’ akuta. Saru wkoll il-protesti mill-Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza.

Il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, sejjaħ l-appoġġ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Lega Arbija li t-tnejn se jiltaqgħu b’emerġenza fil-jiem li ġejjin.

Il-Kap ewlieni tal-grupp militanti Iżlamiku, Hamas, sejjaħ għal Intifada (rewwixta) ġdida kontra Iżrael wara l-għarfien ta’ Ġerusalemm, mill-President Amerikan, Donald Trump, bħala l-kapitali Iżraeljana. Fil-fatt, Ismail Haniyeh, li kien qed jindirizza lis-sostenituri tal-Hamas fil-Medda ta’ Gaza, qal li din ir-rewwixta għandha tibda għada (il-Ġimgħa) li hi ġurnata qaddisa għall-Musulmani.

Haniyeh fisser id-deċiżjoni tal-Istati Uniti dwar Ġerusalemm bħala ‘aggressjoni kontra l-poplu Palestinjan u dikjarazzjoni ta’ gwerra kontra s-santwarji tal-Palestinjani’. Hu irid li r-rewwixta ġdida kontra Iżrael tkompli għat-tul taż-żmien ‘u sakemm il-President Trump u l-Iżraeljani jiddispjaċihom sew għad-deċiżjoni li ħadu’.

Intant, l-Imam ta’ Malta, Mohammad Elsadi, fisser id-deċiżjoni tal-President Trump biex jirrikonoxxi Alquds (Ġerusalemm) bħala l-kapitali ta’ Iżrael bħala ‘inġustizzja’ – l-istess bħalma hi ‘inġustizzja’ ir-rilokazzjoni tal-Ambaxxata Amerikana minn Tel Aviv għal Ġerusalemm.

L-Imam Elsadi sostna li l-azzjoni Amerikana tisfida lill-1.5 biljun Musulman madwar id-dinja li jemmnu li Ġerusalemm hu post sagru għalihom, bil-pass ta’  Trump, skont hu, qed jisfida wkoll lill-miljuni tal-Kristjani, Lhud u sostenituri ta’ denominazzjonijiet oħra ‘li ma jirrikonoxxux l-okkupazzjoni illegali (fl-art ta’Ġerusalemm) miż-Żijonisti’.

 

Stqarrija Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista, illum, ħareġ stqarrija fejn qal li ma jistax jaqbel mad-dikjarazzjoni unilaterali tal-President tal-Istati Uniti rigward l-istatus ta’ Ġerusalemm.

L-istqarrija kompliet li d-deċiżjoni hi pass fid-direzzjoni ħażina u għandha ttellef kull progress fil-proċess għall-paċi fil-Lvant Nofsani. Il-Partit Nazzjonalista tenna, mill-ġdid, bħalma għamel fil-passat, li l-istatus futur ta’ Ġerusalemm għandu jintlaħaq bi ftehim u permezz ta’ negozjati bejn Iżrael u l-Palestinjani.

Il-Gvern ta’ Malta lanqas ma jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-President Amerikan dwar Ġerusalemm filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani. Il-Gvern Malti enfasizza li l-istatus futur ta’ Ġerusalemm irid jintlaħaq bi ftehim reċiproku u b’ negozjati ta’ paċi bejn Iżrael u l-Palestinsjani. Għaldaqstant, Malta qed tinsisti bl-appoġġ għal soluzzjoni bażata fuq żewġ Stati.