Internazzjonali

Ir-Renju Unit ottimist dwar ftehim għall-fruntiera Irlandiża

Il-Gvern tar-Renju Unit esprima ‘ottimiżmu’ dwar ftehim li jirrigwarda l-fruntiera Irlandiża, meta żdiedet il-pressjoni fuq il-Prim Ministru, Theresa May, biex tikkonkludi ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar il-Brexit.

Il-Ministru tal-Kabinett Britanniku, Chris Grayling, qal li ‘dejjem se jkun hemm l-issues li jinvolvu ħafna tlugħ u nżul’ ladarba javviċina deadline għal kwistjoni sensittiva bħat-tluq ta’ pajjiżu mill-UE.

Intant, il-Partit DUP ( Democratic Unionist) tal-Irlanda ta’ Fuq baqa’ jirrifjuta li jaqbel dwar proposti bil-ħsieb li jkunu evitati l-border checks wara l-Brexit.

Il-Gvern ta’ Londra, fil-jiem li ġejjin, jeħtieġ li ‘kull parti involuta tiġbed ħabel wieħed’ biex javvanzaw in-negozjati għall-Brexit.

Dan meta r-Renju Unit, li għandu jitlaq mill-Unjoni Ewropea f’Marzu tal-2019, irid li jiftaħ taħditiet dwar ftehim kummerċjali ħieles (mal-UE) mill-aktar fis possibbli.

Intant, l-UE se taqbel biss dwar it-taħditiet kummerċjali ma’ Londra ladarba jsir progress biżżejjed dwar ‘il-kwistjonijiet tas-separazzjoni’ li, s’issa, kienu s-suġġett tan-negozjati.

Dan ifisser ukoll li r-Renju Unit qed jistinka kemm jiflaħ biex jirrisolvi l-kwistjoni tal-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq, qabel il-Mexxejja tal-UE jiltaqgħu għas-summit tal-ġimgħa d-dieħla.

Fil-bidu tal-ġimgħa, id-DUP – li l-appoġġ tiegħu hu kruċjali għall-Prim Ministru May – kien oġġezzjona dwar abbozz tal-pjani li kienu fasslu r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

Id-DUP qal li ‘ma kenux aċċettabbli’ proposti li jaħsbu biex jevitaw miżuri ta’ border checks permezz tal-alinjament tar-regoli fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża.