Lokali

FILMAT: Jitwaqqgħu l-aħħar ċmieni tal-powerstation

Illum twaqqgħu l-aħħar żewġ ċmieni tal-konkos tal-Enemalta plc li għad baqa’ fis-sit fejn kien hemm il-Marsa Power Station.

L-ewwel struttura li żżarmat inbniet fl-1986 bħala parti minn Unit 8, l-akbar ġeneratur tal-elettriku li kien hemm fil-Marsa Power Station u li ntefa għall-aħħar darba fi Frar 2015. Il-pjattaformi u s-slielem fuq barra, u l-qoxra tal-fire bricks ta’ ġewwa din iċ-ċumnija diġa żżarmaw f’dawn l-aħħar jiem.

B’għoli ta’ 81 metru ‘l fuq mill-art, din iċ-ċumnija wiesa ħames metri kienet l-itwal struttura tal-Marsa Power Station. Madankollu, l-aktar struttura għolja kienet iċ-ċumnija tal-ħadid ta’ Unit 7, li minkejja li kienet twila 69 metru, kienet mibnija fuq art ogħla ftit metri ‘l bogħod. Din iċ-ċumnija żżarmat ftit tax-xhur ilu flimkien ma’ diversi partijiet oħra tal-istazzjon.

Ċumnija oħra ta’ 42 metru li għad baqa’ fis-sit ukoll twaqqgħet. Mibnija fl-1970, din iċ-ċumnija kienet tifforma parti mill-ewwel estensjoni tal-Marsa B Power Station fl-1970, li kienet tinkludi żewġ boilers tal-fwar u żewġ turbini ta’ 30 megawatt-il waħda.