Internazzjonali

L-Istati Uniti: Theddida min-nirien għad-djar ta’ Bel-Air, f’Kalifornja

 

Id-djar tar-residenti fin-neighborhood sinjur ta’ Bel-Air, f’Los Angeles, jinsabu taħt theddida wara inċidenza oħra ta’ nirien perikolużi fl-Istat ta’ Kalifornja.

L-hekk-imsejjaħ Skirball Fire qered diġà numru ta’ djar f’dik iz-zona esklussiva, bil-fjammi jinfirxu b’rata mgħaġġla madwar l-inħawi.

Dan hu l-aħħar każ ta’ hekk imsejħa wildfires fl-Istat ta’ Kalifornja li diġà ġarrab qerda sostanzjali wara sensiela ta’ nirien simili fuq livell kważi inkontrollabbli.

L-akbar fost in-nirien – imlaqqam Thomas Fire – qed jhedded talanqas 12,000 bini, minbarra li qered madwar 150 dar. L-awtoritajiet, sal-aħħar sigħat, qalu li kienu qed isibuha ferm diffiċli biex iġibu s-sitwazzjoni taħt kontroll.

Intant, id-direttivi għall-evakwazzjoni tar-residenti għadhom effettivi f’diversi zoni ta’ Kalifornja, fejn l-irwiefen komplew ‘jistimulaw’ il-fjammi. Dan waqt li l-awtoritajiet ħarġu l-purple alert, li hu l-ogħla livell ta’ twissija li qatt ħareġ fuq il-livell ta’ Stat.

L-uffiċjali tal-iskwadri li qed jitrattaw l-emerġenza, fl-istess ħin, wissew li ‘ftit għandhom kapaċità biex jiġġieldu nirien hekk qawwija f’ċirkustanzi fejn qed jiddominaw dan it-tip ta’ irwiefen’. L-istess uffiċjali qalu wkoll li qed tingħata priorità lill-impenn għall-evakwazzjonijiet tan-nies.

L-aħħar rapporti qalu li medda ta’ territorju li tiswa ‘l-għexieren ta’ miljuni’ u li hi l-proprjetà tas-sinjurun tal-midja, Rupert Murdoch, kienet taħt theddida min-nirien, filwaqt li kienet ġarrbet diġà ‘xi ħsarat’.

Ingħad ukoll li nirien li kienu qed jaqbdu lejn it-Tramuntana ta’ Los Angeles u li ngħataw il-laqam Creek Fire, kienu qegħdin javvanzaw tul l-artijiet taz-zona. Sadattant, l-iskwadri għall-emerġenzi kienu laħqu kkontrollaw ‘sa ħamsa fil-mija biss mill-fjammi’.

Dan meta ’il fuq minn 200,000 persuna spiċċaw evakwati minn diversi bnadi madwar l-Istat ta’ Kalifornja.