Raġel ta’ 28 sena iweġġa gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku matul il-lejl li għadda. Stqarrija tal-Pulizija tgħid li l-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 12.15a.m fi Triq Ġorġ Borg Olivier f’San Ġiljan.
Meta l-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post, sabu li r-raġel, imwieled fis-Serbja, kien qed isuq mutur tal-għamla Aprilia fid-direzzjoni tal-Balluta meta għal xi raġuni ħabat mal-bankina u tilef il-kontroll tal-mutur.
Minnufih issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel fl-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa fejn iktar tard kien iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras kienet informata bil-każ u ħatret numru ta’ esperti biex jassistuha fl-inkjesta. Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.
//= $special ?>