Lokali

Ronnie Pellegrini jgħid li tat-tindif għandhom “inaddfu” x-xemgħat

Skont l-esponent Laburista Ronnie Pellegrini, id-Dipartiment tat-Tindif għandhom inaddfu x-xemgħat u l-fjuri li hemm quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt biex jikkommemoraw il-memorja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Pellegrini qal dan fuq Facebook b’risposta għal kumment ta’ wieħed raġel li kiteb li ‘about time li jitneħħew dawk l-imbarazz tal-blogger tal-ħdura ma’ monument glorjuż li hemm faċċata tal-Qorti’. B’risposta, l-esponent Laburista Ronnie Pellegrini kiteb ‘Naqbel miegħek. Il-Cleansing Department għandu jieħu ħsieb li l-post jitnaddaf’.

Ronnie Pellegrini hu esponent magħruf għal ċertu kummenti li jgħaddi fuq il-media soċjali. F’Awwissu tas-sena li għaddiet, Pellegrini kien kiteb ‘Hekk għandu jkun!’ b’risposta għal artiklu dwar diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema f’San Vincenz de Paul abbażi tal-kulur politiku tagħhom.

Dakinhar, Pellegrini kien Chief of Staff fil-Ministeru tal-Libertajiet Ċivili, u l-Ministru Helena Dalli mhux talli ma kinitx ikkundannat dak id-diskors, iżda talli kienet tatu l-appoġġ kollu tagħha.

NET News jinsab infurmat li Pellegrini m’għadux Chief of Staff ta’ Helena Dalli. Filfatt, il-paġna ta’ Facebook ta’ Pellegrini tindika li issa qed jaħdem fil-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Kultura u l-Gvern Lokali – jiġifieri l-Ministeru ta’ Owen Bonnici.

Sa mill-għada tal-assassinju b’karozza bomba tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, diversi persuni ħonqu l-Monument tal-Assedju l-Kbir, li jinsab eżattament faċċata l-bini tal-Qorti, b’fjuri, xemgħat u messaġġi b’għajta favur il-ġustizzja. Sal-lum, għadhom qed jinxtegħlu x-xemgħat bl-istess rieda ta’ xahar ilu.

Il-kumment ta’ Pellegrini fejn ħeġġeġ lil tat-tindif biex inaddfu l-fjuri u x-xemgħat li jikkommemoraw lil Daphne Caruana Galizia jasal f’mument fejn aktar nies qed jinnutaw żieda f’kummenti bi ħdura indirizzati lejn min ma jaqbilx mal-Partit Laburista.

Jumejn ilu, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa ġie mhedded minn raġel li fuq Facebook kiteb li dan l-MEP għandu jkun “eliminat”. Ftit ġimgħat ilu, persuna oħra kitbet li l-MEP Roberta Metsola għandha tinħaraq ħajja.

Fuq Facebook, Pellegrini jgħid li qed jaħdem fil-Ministeru ta’ Owen Bonnici