L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil rebaħ €1,000 f’danni wara artiklu malafamanti fil-faċċata tal-gazzetta tal-Partit Laburista. Fl-artiklu, ippubblikat fl-2014, il-gazzetta qalet li Busuttil gawda minn ‘direct orders’.
Kien ġie allegat li meta kien Membru Parlamentari Ewropew, il-kumpanija ta’ Simon Busuttil kienet gawdiet minn madwar €500,000 f’konsulenza u servizzi lill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.
Fil-Qorti, l-eks Deputat Mexxej Laburista Toni Abela (bħala eks Editur tal-gazzetta tal-Partit Laburista) kien qal li dak li ġie allegat dwar Simon Busuttil kien kumment ġust.
Madankollu, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale nnutat li l-evidenza kollha mressqa quddiemha uriet li l-uniku tender li l-kumpanija ta’ Simon Busuttil rebħet mill-Gvern kienet tmur lura għall-2010, bit-tender kien intrebaħ flimkien ma’ tliet kumpaniji oħrajn.
Il-Qorti nnutat li ma kienx hemm evidenza ta’ ‘direct orders’ favur Simon Busuttil jew il-kumpanija tiegħu, ħlief l-ittra maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi u ppubblikata mill-gazzetta Laburista. Din irreferiet għax-xogħol li l-kumpanija Europa għamlet fil-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali fi Frar 2009 u fix-xhur ta’ wara.
Barra minhekk, il-Qorti nnutat ukoll li, kuntrarju għal dak indikat fit-titlu tal-istorja, id-‘direct order’ ingħata lill-kumpanija u mhux lil Simon Busuttil, li għandu 16.7% tal-ishma fil-kumpanija. Għal dan, it-tmexxija tal-gazzetta baqgħet ma uriet l-ebda prova li l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista seta’ gawda direttament.
Fuq kollox, il-Qorti sostniet li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni għandu jkun ibbilanċjat mad-dritt tar-rispett għall-ħajja privata tal-persuna.
Konferma li Joseph Muscat u l-partit tiegħu gidbu dwari – Simon Busuttil
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sostna li wara snin twal jigdbu dwaru u jipprovaw iħammġu ismu, il-media tal-partit ta’ Joseph Muscat illum ħarġu ta’ giddieba u ġew kundannata mill-Qorti f’kawża ta’ libell.
Għal snin twal, Joseph Muscat, il-partit tiegħu, il-media tiegħu u d-deputati tiegħu, għamlu kampanja ħarxa ta’ tfiegħ ta’ tajn meta qalu li Simon Busuttil gawda minn konsulenza ta’ miljun ewro meta dan ma kien veru xejn. Simon Busuttil sostna li dan il-gideb anki rrepetihom diversi drabi Joseph Muscat innifsu fil-Parlament u barra l-Parlament.
Simon Busuttil żied jgħid li minkejja kull caħda kategorika minn-naħa tiegħu, Joseph Muscat u sħabu baqgħu jigdbu u jħammġu. Tant hu hekk li din il-kampanja qarrieqa kienet ċentrali fil-kampanja elettorali tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Issa, illum, il-Qorti sabet li dan kollu kien gideb u kkundannat lill-gazzetta tal-Partit Laburista għad-danni f’kawża ta’ libell, kompla Simon Busuttil.
Hu temm jgħid li mhux se jistenna li issa Joseph Muscat jerfa’ r-responsabbilita’ politika talli mexxa u ta l-barka tiegħu għal din il-malafama, għax fuq ħwejjeġ ferm aktar gravi ma refa’ l-ebda responsabbilita’.
//= $special ?>