Lokali

Tinbidel id-deċiżjoni; approvat il-proġett ta’ €40 miljun minn Farsons – Ryan Callus jivvota favur

Wara li 4 ġimgħat ilu il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ivvota kontra proġett ta’ €40 miljun għall-iżvilupp ta’ business park minn Farsons fl-istess post fejn bħalissa diġà hemm il-fabbrika ta’ Farsons, illum il-bord tal-istess Awtorità ivvota favur dan il-proġett, bir-rapreżentant tal-Oppożizzjoni f’dan il-Bord Ryan Callus jivvota favur.

Il-kumpanija Farsons qed tippjana li tibni business park fi Triq l-Imdina li jinkludi uffiċini ta’ kwalità għolja, spazji miftuħa u ħafna spazji għall-parkeġġ. L-iżvilupp ta’ €40 miljun għandu jikkumplimenta r-rijabilitazzjoni tal-birrerija l-antika waqt li jitranġa u jiġi kkonvertit l-ispazju industrijali biex ikun jinkludi wkoll numru ta’ faċilitajiet, fosthom ħwienet tal-ikel u uffiċini.

Fil-laqgħa tal-bord, Ryan Callus sostna li l-proġett huwa propost li jsir fiż-żona fejn qed jiġi ppjanat li jsir l-Imrieħel Business Park. Hu sostna li fl-aħħar is-sens komun rebaħ u huwa żvilupp importanti b’investiment ta’ €40 miljun li jirrispetta l-kuntest tal-Imieħel.

Fil-laqgħa saret proposta biex jitneħħa l-livell li fih se jkun hemm il-parkeġġ, madanakollu r-rappreżentant tal-oppożizzjoni issekonda proposta tal-espert Dr Timothy Gambin li qal li ma jagħmilx sens li jitneħħa sular li jiprovdi parkeġġ f’żona li hi magħrufa għall-problema ta’ parkeġġ.

Kienu ħafna li 4 ġimgħat ilu ma’ setgħux jifhmu d-deċiżjoni tal-Awtorita’ tal-Ippjanar u l-kumpanija Farsons kienet iddeskriviet id-deċiżjoni bħala “mhux mistennija”.