Il-Vot għaż-żgħażagħ ta’ 16-il sena se jiġi estiż għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li se jsiru fl-2019. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat waqt żjara fil-Kulleġġ Giovanni Curmi fin-Naxxar. Hu qal li dan se jsir permezz ta’ bidla fil-liġi. Permezz ta’ din id-deċiżjoni se jkun hemm mal-5,000 votant iktar fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Quddiem l-istudenti, Joseph Muscat qal li dan kien il-pass li jmiss wara li fil-leġislatura l-oħra, il-Gvern kien ta d-dritt tal-vot lil żgħażagħ ta’ 16-il sena fl-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali, għalkemm kien l-istess Gvern ta’ Joseph Muscat li neħħa l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li kienu skedati għal din is-sena.
Dwar il-vot fl-elezzjoni ġenerali, Joseph Muscat qal li dan jeħtieġ iktar bidliet fil-liġi. Fil-programm elettorali tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista kien ippropona li l-vot jingħata liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena fil-votazzjonijiet kollha; jiġifieri, fl-elezzjoni ġenerali, fl-elezzjonijiet lokali, fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u f’referenda.
Fi stqarrija, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ laqa’ din l-aħbar u fakkar kif il-kunsill, flimkien mal-fergħat taż-żgħażagħ tal-partiti politiċi u NGO’s, kien fuq quddiem f’din il-kampanja favur il-vot ta’ 16-il sena li għandu jkun akkumpanjat minn edukazzjoni ċivika obbligatorja.
//= $special ?>