It-Tnejn li ġej jingħata bidu għall-Open tal-Iskozja li ser jintlagħab fl-Emirates Arena fi Glasgow l-Iskozja. Il-logħob jibqa’ jintlagħab il-ġimgha kollha bil-finali ssir il-Ħadd 17 ta’ Diċembru. Dan it-tournament jagħmel parti mill-Main Tour organizzat mill-World Snooker Association.
Fl-ewwel rawnd, il-plejer professjonali Malti Alex Borg se jilgħab kontra l-plejer Skoċċiż Stephen Maguire li bħalissa huwa rrankjat fid-19 il-post fir-rankings mondjali.
Din il-logħba ser tintlagħab it-Tnejn li ġej fil-5.30pm ħin ta’ Malta u tkun l-aħjar minn 7 frames. Il-logħba mistennija tintwera diretta fuq l-istazzjon Eurosport.
Madankollu peress li Maguire qed jilgħab fil-kwarti tal-finali tal-UK Championship li għaddej bħalissa f’York fl-Ingilterra, il-logħba kontra Borg tista’ timxi għat-Tlieta kemm-il darba Maguire jilgħab fil-finali tal-UK Championship il-Ħadd li ġej.
Iż-żewġ plejers diġà lagħbu kontra xulxin f’dan l-istaġun meta f’Settembru li għadda huma ltaqgħu fl-ewwel rawnd tal-International Championship b’Maguire joħroġ rebbieħ bl-iskor ta’ 6-3.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fis-sit tal-World Snooker www.worldsnooker.com.
//= $special ?>