Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, waslet fi ftehim tal-aħħar minuta mal-Unjoni Ewropea fit-tentattivi tagħha biex tmexxi t-taħditiet dwar il-Brexit għall-fażi kruċjali li jmiss u li se tinvolvi taħditiet kummerċjali futuri bejn Londra u Brussell.
Jidher, intant, li mhu se jkun hemm l-ebda hard border mal-Irlanda waqt li ċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit u ċ-ċittadini Britanniċi fl-Istati l-oħra tal-Unjoni se jkollhom id-drittijiet tagħhom protetti.
Fl-istess ħin, l-ispiża tad-divorzju – f’dan il-każ il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea – għandha tkun bejn il-35 u l-40 biljun Sterlina.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li hu u Theresa May irnexxielhom jagħmlu ‘żblokk sinifikanti’waqt it-taħditiet fi Brussell. Hu, fl-istess ħin, esprima fiduċja li l-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea se japprovaw dan il-ftehim.
Il-Mexxejja tal-UE għandhom jiltaqgħu nhar il-Ħamis għas-summit tal-Kunsill Ewropew u jeħtieġ li huma jappoġġjaw il-ftehim inkwistjoni jekk għandhom jibdew it-taħditiet kummerċjali ( ta’ Londra ma’ Brussell) wara l-Brexit.
Ir-Renju Unit, imbagħad, ikollu sa żmien sena biex ifassal ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri mal-Unjoni – b’dan il-ftehim irid ikun ratifikat mill-Istati-membri tal-UE u l-Parlament Britanniku, qabel ir-Renju Unit jinħall mill-Unjoni, f’Marzu tal-2019.
Sadanittant, il-Partit DUP ( Ulster Unionists) tal-Irlanda ta’ Fuq – li l-oppożizzjoni tiegħu għal aspetti tal-ftehim, fl-aħħar ġranet, kienet ħolqot l-intoppi bejn Londra u Brussell – qal li xorta ‘fadal ix-xogħol xi jsir’ rigward l-issue tal-fruntiera Irlandiża.
Il-Prim Ministru May tiddependi mill-appoġġ tad-DUP biex tirbaħ il-voti kruċjali f’Westminster u kelliema għal dan il-partit Irlandiż wissew li l-vot tagħhom għall-ftehim finali bejn ir-Renju Unit u Brussell ‘se jiddependi mill-kontenut ( tal-ftehim)’.
Issa, ir-rapport konġunt li qablu dwaru May u Juncker jesiġi li f’każ li ftehim kummerċjali ma jintlaħaqx, ir-Renju Unit għandu jżomm ‘alinjament sħiħ’ ma’ elementi tas-suq komuni u l-unjoni doganali tal-UE li ssemmew fil-Ftehim tal-Ġimgħa storiku (tal-1998) għall-Irlanda ta’ Fuq.
Id-DUP qal li kien hemm sitt ‘bidliet sostanzjali’ fil-kliem tal-ftehim u meta parti kruċjali, issa, taqra li ‘mhuma se jkunu permessi l-ebda ostakli regolatorji’ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-kumplament tar-Renju Unit. Dan meta l-kummerċ fil-provinċja se jibqa’ jgawdi ‘l-aċċess bla xkiel’ għas-suq intern tar-Renju Unit.
Il-Kap tad-DUP, Arlene Foster, fl-istess ħin, qalet li mhu se jkun hemm l-ebda ‘ħajt doganali’ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-bqija tar-Renju Unit.
Il-Prim Ministru May spjegat li ċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit se jkollhom ‘id-drittijiet tagħhom minsuġin fil-liġi Britannika minbarra li infurzati mill-qrati lokali (tar-Renju Unit)’. Iżda l-ftehim jgħid ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea se tkompli bir-rwol tagħha li tissorvelja d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għal tmien snin wara l-Brexit. Dan waqt li l-garanziji se japplikaw ukoll liċ-ċittadini Britanniċi residenti fl-Istati tal-Unjoni Ewropea.
Fir-rigward tal-‘ispiża tad-divorzju’, Michel Barnier, in-negozjatur ta’ Brussell dwar il-Brexit, qal li l-Unjoni Ewropea qablet biex tneħħi l-ispiża għar-rilokazzjoni tal-aġenziji tal-UE mir-Renju Unit ‘mill-kont finali ta’ Londra’.
//= $special ?>

