Tliet persuni nqatlu waqt attakk f’santwarju f’Tokjo li hu ddedikat lir-reliġjon Ġappuniż antik magħruf bħala Shinto. L-indikazzjonijiet huma li l-qtil – li allegatament jinkludi suwiċidju — kien dovut għal ġlieda ħarxa dwar is-suċċessjoni bejn membri tal-istess familja.
Il-pulizija li marru fuq il-post sabu lill-ogħla reliġjuża (il-high priestess) tas-santwarju mejta mal-art, bir-rapporti jgħidu li hi kienet spiċċat maqtula b’xabla taħt idejn ħuha. Fil-fatt, fis-santwarju, instabet xabla tas-Samurai tradizzjonali, flimkien ma’ skieken oħra.
Fl-istess ħin, il-pulizija żvelaw li l-mara tal-aggressur responsabbli wkoll kienet ħadet sehem fl-attakk, fil-lejl tal-Ħamis, u li fih spiċċa midrub ix-xufier tal-high priestess.
Iż-żewġ katavri l-oħra li nstabu kienu tal-mara tal-aggressur li skont ir-rapporti – u wara d-delitt — sfat maqtula minn żewġha fuq il-post, u bl-aggressur innifsu, imbagħad, ineħħi ħajtu b’idejh.
Rapporti aktar tard qalu li d-dmija seħħet meta r-reliġjuża, Nagako Tomioka, kienet ħarġet mill-karozza tagħha biex tikkonfronta lil ħuha, Shigenaga, u l-mara tiegħu – b’tal-aħħar tattakka lix-xufier ta’ Tomioka b’xabla, bix-xufier jaħrab minn fuq il-post. Għalkemm ferut, ix-xufier ma jinstabx f’periklu li jitlef ħajtu.
Intant, ingħad li wara li l-aggressur kien qatel lil oħtu bix-xabla, hu u martu marru f’zona oħra tas-santwarju fejn huma, allegatament, neħħew ħajjithom.
L-istampa Ġappuniża sostniet li l-qtil kien ‘ilu fl-ajru’ u li kien xprunat minn tilwima antika dwar is-suċċessjoni bejn il-priestess u ħuha.
Fis-snin disgħin, Shigenaga Tomioka kien sar il-qassis ewlieni tas-santwarju inkwistjoni minflok missieru, iżda hu kien tkeċċa fl-2001 u missieru rritorna fil-pożizzjoni li kellu bħala qassis ewlieni – u fejn iddeċieda li jqiegħed lil bintu bħala t-tieni l-ogħla reliġjuża fis-santwarju. Ma kenitx spjegata r-raġuni wara t-tneħħija ta’ Shigenaga Tomioka mit-tmexxija tas-santwarju.
Tul is-snin, is-suspettat qattiel bagħat ittri ta’ theddid lil oħtu u kien anki arrestat, fl-2006, wara li bagħat ittra speċifika b’messaġġ biex hi ‘toqgħod attenta għal ħajjitha’.
//= $special ?>


