Lokali

Il-kera f’pajjiżna tiżdied b’47% f’erba’ snin

Rapport ikkummissjonat mill-KPMG juri li l-medja tal-kera f’Malta bejn l-2013 u l-2016 għoliet b’47 fil-mija: fir-reġjun ċentrali ta’ Malta kien hemm żieda ta’ 45 fil-mija – minn €565 għal €822; fl-inħawi tal-Port il-Kbir il-kera għoliet b’49 fil-mija – minn €751 għal €1,118; ir-reġjun tat-tramuntana tal-Port il-Kbir il-kera għoliet b’49 fil-mija – minn €721 għal €1,074; fil-Punent Majjistru kien hemm żieda ta’ 47 fil-mija fil-kera – minn €554 għal €814 u fin-Nofsinhar ta’ Malta l-kera għoliet ukoll b’47 fil-mija minn €554 għal €814. Dan ħareġ f’artiklu pibblikat illum mill-ġurnal in-Nazzjon miktub minn Joe M. Zahra.

Iktar iva milli le l-Maltin li jikru huma dawk  li ma jistgħux jixtru. Huma familji fuq pagi baxxi li ma sabux social housing għax m’hemmx. Dawn jekk il-kera fuq l-inqas li hemm, jiġifieri dik fil-Punent Majjistru u fin-Nofsinhar ta’ Malta żditilhom b’€260 fis-sena allura ż-żieda li ngħataw għall-għoli tal-ħajja kilitilhom kważi kollha ż-żieda fil-kera. Ma ninsewx li ż-żidiet fuq l-għoli tal-ħajja fl-aħħar snin ma kenux xi uffa: 58ċ fl-2015 u €1.75 fl-2016.

Din il-kategorija ta’ nies li tiżdied  inqas milli togħla l-ħajja mhux bilfors jidħlu fiċ-ċirku ta’ dawk f’riskju tal-faqar?

Huma dawn in-nies li għandu jkollhom l-ikbar attenzjoni tal-gvern għaliex jekk l-ekonomija hi fi stat tajjeb, kif jgħid li hi l-gvern, allura dawn għandhom ikunu minn tal-ewwel li jiggwadanjaw.

Il-kera qed togħla b’mod allarmanti. Hemm min jiflaħ għaż-żieda għax ġej minn barra u jaqlagħha tajjeb. Iżda hemm min ma jwassalx sal-aħħar tax-xahar u allura kull żieda f’dak li jħallas tkompli titfgħu f’riskju. Riskju tal-faqar.