Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Konfronti vjolenti waqt il-kriżi dwar Ġerusalemm

 

Ix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaza spiċċaw ħuġġieġa waħda ta’ vjolenza u tensjoni fost sensiela ta’ konfronti bejn il-militar ta’ Iżrael u dimostranti Palestinjani. L-aħħar battalji fit-toroq tal-ibliet tar-reġjun segwew ir-rikonoxximent, jiem ilu, ta’ Ġersualemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael min-naħa tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.

Il-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaza ħarġu jipprotestaw qatta bla ħabel kontra d-dikjarazzjoni ta’ Trump dwar Ġerusalemm, bir-rapporti jgħidu li talanqas Palestinjan inqatel fil-vjolenza, b’’il fuq minn 200 jispiċċaw midruba.

Il-bidla fil-politika ta’ Trump rigward Ġerusalemm, li jibqa’ fost l-aktar issues sensittivi fil-Lvant Nofsani, kienet imfaħħra minn Iżrael iżda anki ġibdet l-istmerrija u kundanna tal-pajjiżi fid-Dinja Għarbija u Iżlamika. L-Alleati tal-Punent tal-Istati Uniti wkoll iddisassoċjaw ruħhom mir-rikonoxximent ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana, meta d-dikjarazzjoni ta’ Trump qed taqleb lura għexieren ta’ snin ta’ newtralità Amerikana rigward l-istatus ta’ dik il-belt ewlenija.

Iżrael dejjem kien iqis lil Ġerusalemm bħala l-kapitali tiegħu waqt li l-Palestinjani jinsistu li Ġerusalemm tal-Lvant, li ilu okkupat mill-Iżraeljani mill-Gwerra tal-1967, għandu jkun il-kapitali ta’ Stat futur tal-Palestina. Issa, bir-rikonoxximent ta’ Ġerusalemm bħala l-kapitali Iżraeljana, l-Istati Uniti saret l-ewwel pajjiż li għamel dan mindu twaqqaf l-Istat ta’ Iżrael, fl-1948.

L-għadab iġġenerat mid-dikjarazzjoni kontroversjali ta’ Trump kellu jissarraf fi ġlied u konfronti ġodda fix-Xatt tal-Punent bejn suldati Iżraeljani u folol ta’ Palestinjani. Il-ġlied spikka fl-ibliet ta’ Bethlehem, Ramallah, Hebron u Nablus, bit-truppi jisparaw il-gass tad-dmugħ u l-balal tal-gomma fuq dimostranti Palestinjani li kienu qed iwaddbu l-ġebel. Kien hemm ukoll waqtiet fejn il-militar uża l-kanuni tal-ilma fuq il-folol.

Seħħew anki l-konfronti f’Ġerusalemm tal-Lvant fejn il-pulizija tefgħu lura mijiet ta’ dimostranti li kienu nġemgħu barra l-Belt l-Antika. Konfronti oħra spikkaw fil-Medda ta’ Gaza fejn qawwiet Iżraeljani sparaw fuq dimostranti Palestinjani li kienu qegħdin jitfgħu l-ġebel lejn il-pożizzjonijiet tal-Armata mal-fruntiera. Ir-rapporti minn Gaza rreferew għall-qtil ta’ Palestinjan, u għexieren ta’ midruba.

Id-dimostrazzjonijiet kontra d-dikjarazzjoni ta’ Donald Trump infirxu għal pajjiżi u reġjuni oħra tad-dinja, b’eluf ta’ nies jorganizzaw il-protesti fil-Ġordan, l-Eġittu, l-Iraq, it-Turkija, it-Tuneżija u l-Iran. Saru wkoll dimostrazzjonijiet favur il-Palestinjani fil-Malasja, Bangladesh, il-Pakistan, l-Afganistan u l-Indoneżja.