Il-Papa Franġisku ħabbar li jixtieq li l-Knisja Kattolika madwar id-dinja kollha għandha tbiddel il-kliem fit-talba tal-Missierna, fil-parti fejn jingħad “La ddaħħalniex fit-tiġrib” – dan hekk kif skont il-Papa stess din m’hijiex traduzzjoni tajba.
Il-Papa qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon TV2000, fejn semma kif il-Knisja fi Franza ddeċidiet li tbiddel il-frażi “La ddaħħalniex fit-tiġrib” għal “La tħalliniex naqgħu fit-tentazzjoni” bħala traduzzjoni aħjar. Kien hawnhekk li l-Papa Franġisku appella biex tibda tintuża din l-alternattiva madwar id-dinja kollha.
Fl-intervista, il-Papa tenna li din m’hijiex traduzzjoni tajba tas-sinjifikat tat-talba tal-Missierna, għax il-verżjoni kif tintuża bħalissa tfisser li hemm Alla li jwaqqa’ lill-bniedem fit-tentazzjoni. “Jien hu dak li naqa’ fit-tentazzjoni, u mhux Alla li jimbuttani biex naqa’ fit-tentazzjoni”.
Dawn it-traduzzjonijiet fit-talb normalment isiru mill-Knejjes lokali, b’koordinazzjoni mal-Vatikan. Dan ifisser li l-Knisja Maltija, mmexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna, trid tagħmel din it-traduzzjoni għal-lingwa Maltija.
It-talba tal-Missierna hi waħda mill-aktar talbiet importanti, hekk kif il-Knisja Kattolika tgħallem li din hi talba li Ġesu stess kien għallem lid-dixxipli tiegħu, u llum din it-talba għadha pprattikata minn miljuni ta’ Insara.
It-talba kif inhi llum hi traduzzjoni mill-lingwa Latina, li ġiet tradotta mill-Grieg Antik, fejn dik l-istess talba ġiet tradotta mill-lingwa Aramajka – il-lingwa li kienet mitkellma minn Ġesu Kristu stess.
//= $special ?>