Lokali

Koppja tittajjar minn karozza f’hit and run – it-tfal jeħsiluha ħafif

Koppja tittieħed l-isptar kmieni filgħodu wara li ttajru minn karozza waqt li kienu qiegħdin jaqsmu t-triq f’Bormla. L-inċident qed jiġi kkunsidrat bħala hit and run hekk kif il-karozza baqgħet sejra malli laqtet lill-persuni. Il-kundizzjoni tal-persuni li ttajjru hija stabbli, u jidher li ma soffrewx ġrieħi gravi.

Madanakollu, tliet itfal li kienu qiegħdin jakkumpanjaw liż-żewġ persuni li ttajru rnexxielhom jevitaw l-impatt tal-karozza, hekk kif leħqu qasmu t-triq. L-etajiet tat-tliet itfal ivarjaw bejn disgħa u sittax-il sena filwaqt li l-koppja vittma tal-hit and run minn Ħaż-Żabbar jidher li t-tnejn huma ta’ 35 sena.

L-inċident seħħ fi Triq Dom Mintoff għall-ħabta tas-1.20 ta’ filgħodu tal-Ġimgħa.

S’issa s-sewwieq tal-karozza, li tajret liż-żewġ persuni u baqgħet sejra, għadha mhux magħrufa hekk kif il-Pulizija qalet li jidher li ma kien hemm l-ebda xhieda fuq il-post mal-impatt.

Il-Pulizija appellat ukoll biex min għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ jagħmel kuntatt magħhom.