L-awtoritajiet f’ Kalifornja qalu li kważi 200,000 resident spiċċaw evakwati minn djarhom madwar l-Istat Amerikan, fejn l-iskwadri għall-emerġenzi baqgħu jikkumbattu sensiela ta’ nirien feroċi magħrufa bħala wildfires. Intant, il-Gvernatur ta’ Kalifornja, Jerry Brown, iddikjara stat ta’ emerġenza f’San Diego wara li ‘nirien ġodda’ qabdu spinta u nfirxu b’mod allarmanti tul l-inħawi fi spazju ta’ ftit sigħat biss.
L-aħħar rapporti qalu li ndarbu tal-anqas tliet firefighters u li n-nirien laħqu qerdu talanqas 500 bini.
Kienet anki rappurtata mewta, wara li nstab il-katavru ta’ mara qalb zona maħruqa f’Ventura County. Intant, ma kienx eskluż li l-mewta, fil-belt ta’ Ojai, setgħet seħħet minn xi inċident b’karozza li ma kienx relatat man-nirien.
Kważi 6,000 firefighter qegħdin jikkumbattu n-nirien qalb foresta li ilhom jaqbdu għal dawn l-aħħar ġranet, u meta skwadri oħrajn speċjalizzati għal dawn it-tipi ta’ emerġenzi qegħdin jintbagħtu lejn Kalifornja minn Stati Amerikani oħra.
In-nar imlaqqam ‘Thomas Fire’ li qabad f’Ventura County – lejn it-Tramuntana ta’ Los Angeles – qed jallarma l-aktar lill-awtoritajiet, bil-fjammi tiegħu jinfirxu sal-inħawi mal-kosta tal-Paċifiku.
In-nirien baqgħu jaqbdu qalb l-għoljiet fil-madwar ta’ Ojai, b’aktar minn 100 fire-engine joħorġu jappoġġjaw l-impenji biex is-sitwazzjoni tinġieb taħt kontroll.
Intant, il-White House ta’ Washington żamm il-kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet f’Kalifornja meta jinsab lest biex joffri kull għajnuna meħtieġa.
//= $special ?>

