Il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi, bit-tema JIEN LEST LI NGĦIN, li l-Partit Nazzjonalista se jtella’ nhar il-Ħadd li ġej, mhux biss se sservi biex il-PN ikun f’pożizzjoni aħjar biex ikompli jinvesti ħalli jwassal bl-aħjar mod il-messaġġ tiegħu lill-pubbliku Malti, imma se toffri wkoll programm sħiħ ta’ divertiment televiżiv lit-telespettaturi bis-sehem ta’ wħud fost l-aqwa talent fil-qasam tal-ispettaklu lokali. Dan matul 12-il siegħa kontinwi ta’ trażmissjoni.
Il-kontenut mhux se jkun biss wieħed politiku. Permezz ta’ intervisti qosra se nsiru nafu iktar mill-qrib persuni fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Se nkunu nafu kif dawn il-persuni jqattgħu l-ħin liberu tagħhom, il-persuni li jaqsmu ħajjithom magħhom u xi jfisser l-impenn tal-irġiel jew in-nisa tagħhom.
Bħal kull maratona, ma jonqosx l-element ta’ varjetà mużikali bl-aqwa talent lokali, inkluż il-band ta’ Mark Spiteri Lucas. Numru sabiħ ta’ korijiet se jkunu preżenti wkoll biex ikomplu jagħtu kulur lill-maratona u nkomplu nidħlu iktar fl-ispirtu tal-Milied.
Għall-ewwel darba, il-maratona se tiżżewwaq b’numru ta’ personalitajiet magħrufa għall-komiċità tagħhom. Matul il-maratona dawn se jagħmlu stand up comedy minn ħin għal ħin, b’animazzjoni ta’ diversi anedotti umoristiċi.
Il-Maratona – 12-il siegħa sħaħ ta’ trasmissjoni kontinwa – se titmexxa minn preżentaturi magħrufa sew għall-ħidma tagħhom fuq Net Television u Radio 101.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, se jkun qed iżur xi każini tal-Partit Nazzjonalista filgħodu u jkompli jiltaqa’ man-nies biex waranofsinhar ikun jista’ jingħaqad ukoll f’ħinijiet differenti fit-trażmissjoni diretta bejn nofsinhar u nofsillejl.
Is-Sibt, l-istess bħal ma ġara l-Ġimgħa, id-Dar Ċentrali se tkun miftuħa biex tilqa’ d-donazzjonijiet tal-pubbliku u fl-istess ħin se jkollhom ukoll l-opportunità li jixtru xi affarijiet konnessi mal-festi sbieħ tal-Milied.







