“L-arrest ta’ kriminali fit-tarf ta’ katina twila, u li għandhom konnessjoni inevitabbli mal-Gvern, tbiddel ftit li xejn” – kliem it-tifel tal-ġurnalista maqtula, Matthew Caruana Galizia b’reazzjoni għall-arresti li saru din il-ġimgħa li għaddiet b’rabta mal-qtil.
F’post fuq Facebook, il-ġurnalist Matthew Caruana Galizia stqarr li l-istat tal-ġustizzja wara l-qtil ta’ ommu, s’issa, għadu l-istess hekk kif il-persuni responsabbli – u li huma l-moħħ wara l-karozza bomba tas-16 ta’ Ottubru – għadhom ma nqabdux. Matthew Caruana Galizia rrefera għall-arrest tat-tliet persuni li tressqu quddiem il-Qorti akkużati bil-qtil, fejn implika li ġustizzja għadha ma saritx mal-persuni responsabbli mill-organizazzjoni tal-qtil brutali.
Iben il-ġurnalista għamel referenza għas-sit tal-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, fejn fuq tabella ddedikata lil Daphne Caruana Galizia fuq is-sit www.cpj.com għadu qed jimmarka li dawk responsabbli mill-qtil tagħha għadhom ma tressqux quddiem il-ġustizzja.
Fl-istess waqt, il-ġurnalist għamel appell biex min għandu xi informazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia b’mod anonimu jistgħu jgħadduha billi javviċinawh.
Nhar it-Tlieta li għadda, George Degiorgio, Alfred Degiorgio, u Vincent Muscat tressqu quddiem il-Qorti mixlijin bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn wieġbu li mhumiex ħatja.
//= $special ?>