Lokali

L-MUT iżżomm fis-seħħ l-azzjonijiet industrijali fl-MCAST

Il-Union tal-Għalliema, l-MUT, ħabbret li l-azzjonijiet industrijali tal-MCAST se jkomplu matul il-ġimgħa li ġejja u għadu fis-seħħ ukoll strajk imsejjaħ għall-Ġimgħa li ġej.

Fi stqarrija jingħad li minkejja li għaddew tlett ijiem ta’ azzjonijiet industrijali fl-MCAST, il-kulleġġ irrisponda biss b’data proposta għal laqgħa li mistennija ssir matul il-ġimgħa d-dieħla fejn mistennija tkun preżentata proposta finanzjarja għal ftehim kollettiv.

L-MUT iddikjarat li se tħares lejn din il-proposta u wara tikkomunika mal-membri. Madankollu, sadattant id-direttivi u l-istrike msejjaħ għall-Ġimgħa 15 ta’ Diċembru jibqgħu fis-seħħ.

Sadattant il-President tal-MUT Marco Bonnici kkundanna l-attakki li qed isiru fil-konfront tal-edukaturi tal-MCAST li obdew id-direttivi industrijali bħala protesta għall-kundizzjonijiet attwali tax-xogħol tagħhom u l-paga li għalih jirċievu.