Lokali

Wara ġimgħat ta’ pressjoni … se tibda tiftaħ l-għassa tal-Marsa

Wara ġimgħat ta’ pressjoni mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, protesti mir-residenti u lmenti fuq il-midja soċjali, fl-aħħar l-għassa tal-Marsa se tibda tiftaħ kuljum.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Kunsill Lokali, il-Ministru Michael Farrugia ħabbar li fil-jiem li ġejjin jilħqu rekluti ġodda biex l-għassa tal-lokalità tibda tiftaħ ta’ kuljum.

Kienet din l-inizjattiva biss li l-Ministru semma’ meta mistoqsi kif se jindirizza l-problemi tal-lokalità fl-immedjat, speċjalment wara li ftit jiem ilu nstab li organizzazzjonijiet kriminali qed joperaw minn hawn.

Minkejja li matul is-sena, kif irrikonoxxa l-Ministru stess, l-għassa rari tkun miftuħa, għall-wasla tal-uffiċjali tal-Gvern kien hemm preżenza ta’ uffiċjali kemm fuq barra kif ukoll fl-għassa.

Filfatt ftit jiem ilu, meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia indirizza attività politika fil-lokalità, hu mar sal-għassa li madankollu kienet magħluqa.

Sadattant by law li għandha tara li jkun illegali li wieħed jixrob xorb alkoħoliku fuq barra fil-Marsa għadha ma ddaħħlitx fis-seħħ għaliex jonqos firma. Il-Ministru Michael Farrugia għamilha ċara li kull bidla li sseħħ, inkluż bidliet fil-liġi, se tolqot lill-barranin bl-istess mod li tolqot lill-Maltin għaliex fakkar li llegalitajiet isiru mill-Maltin bħalma jsiru mill-barranin, sew jekk ikunu Ewropej jew le.

Mistoqsi mill-gurnalisti dwar miżuri oħra li jistgħu jsiru, il-Ministru Farrugia qal li kien impressjonat meta fi Sqallija u Brussell ra suldati armati jduru bir-rondi, iżda wara ftit qal li dan ma jfissirx li fil-Marsa se jibdew iduru jew hemm bżonn suldati armati.

Semma’ wkoll li f’postijiet magħrufa għall-kriminalità jistgħu jiġu nstallati cameras tas-sigurtà għalkemm ftit wara rrikonoxxa li dan jaf ma jkunx possibbli minħabba kwistjoni ta’ protezzjoni tad-data.

Hu ddikjara wkoll li fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa fadal biss 40 immigrant wara li fl-aħħar jiem intqal li ħadd ma jaf eżatt kemm hemm residenti f’dan il-post.