Internazzjonali

Attakki mill-ajru Iżraeljani fuq Gaza

Kien hemm attakki Iżraeljani mill-ajru fuq il-Medda ta’ Gaza. Dan b’ritaljazzjoni għall-isparar ta’ rockets minn dan it-territorju Palestinjan lejn Iżrael.
Dan hekk kif kompliet tiżdied it-tensjoni wara d-deċiżjoni tal-President Amerikan Donald Trump li jagħraf lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael.
Dan meta l-Palestinjani jridu l-Lvant ta’ din il-belt bħala l-kapitali tagħhom ladarba jkollhom Stat.
Il-militar Iżraeljan qal li fil-mira kien hemm erba’ qagħdiet tal-Hamas fosthom imħażen tal-armi u fejn kienu jaħdmu fuqhom. Mir-rockets li kienu sparati mill-Medda ta’ Gaza, waħda niżlet fil-belt Iżraeljana ta’ Sderot mingħajr ma kkawżat vittmi jew ħsara. Iżda ħafna mir-residenti ta’ Sderot kellhomm iqattgħu l-lejl fix-xelters bħala prekawżjoni.
Iżrael jikkunsidra lil Hamas responsabbli tal-isparar ta’ rockets kollha ġejjin minn Gaza. Dan peress li t-territorju hu taħt il-kontroll tiegħu.
Kien hemm rocket oħra li kienet interċettata u waħda niżlet f’art fejn ma jgħix ħadd.