Sport Waterpolo

FILMAT: Ben Plumpton jiskorja l-ewwel gowl ma’ CN Posillipo

Ben Plumpton qed jilgħab barra minn Malta għat-tieni sena konsekuttiva (Ritratt: Matthew Tabone)

Iż-żagħżugħ Malti Ben Plumpton skorja l-ewwel gowl tiegħu minn meta ngħaqad mal-klabb Taljan Posillipo fil-Kampjonat A1 Taljan, fir-rebħa ta’ 8-7 li t-tim tiegħu kiseb fuq Torino 81.

Torino rebħu l-ewwel sessjoni 1-0 b’gowl ta’ Cristian Gandini f’nofs l-ewwel taqsima. Posillipo ġabu d-draw kmieni fit-tieni sessjoni minn Gianluigi Foglio, iżda ftit wara Ivan Vuksanovic reġa’ poġġa lil Torino minn fuq.

Nicolo Cuccovillo wieġeb għal Posillipo, sakemm Vuksanovic skorja l-14-il gowl tiegħu tal-istaġun minn penalty biex Torino reġgħu marru minn fuq. Posillipo rnexxielhom idawru r-riżultat b’gowls minn Gianluigi Foglio u Luca Marziali biex daħlu jistrieħu 4-3 minn fuq.

Wara l-mistrieħ, kien imiss il-ħin li Ben Plumpton jispikka meta għamel l-iskor 5-3 wara li rċieva ballun fit-tul mingħand il-gowlkiper, avvanza, ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Rolle u skorja. Reazzjoni ta’ Torino wasslet biex ġabu d-draw b’gowls minn Giacomo Novara u Emanuele Azzi. Nicolo Cuccovillo għamel l-iskor 6-5 favur Posillipo, iżda Daniel Presciutti ġab id-draw mill-ewwel.

Cristian Gandini reġa’ ġab id-draw wara li Luca Marziali kien tefa’ lil Posillipo fil-vantaġġ, iżda l-istess plejer skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa tliet minuti mit-tmiem.