L-istorja ta’ Katriel qed tkun ta’ ispirazzjoni għal ħafna, it-tifel li minħabba l-kundizzjoni tiegħu, għadda minn ħafna tbatija, li iżda ma jaqtax qalbu. Il-Programm Xarabank xandar l-istorja ta’ Katriel bi preparazzjoni għall-istrina ta’ din is-sena li se ssir l-għada tal-Milied. Katriel matul l-aħħar snin ibbenifika ħafna mill-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund Foundation.
Fl-intervista, Katriel, li l-kundizzjoni tiegħu tissejjaħ Lupus CQ Deficient 1. jitkellem dwar il-ħajja b’mod pożittiv, minkejja kollox. Katriel fost ohrajn jgħid li minħabba l-kundizzjoni, ta’ tliet snin tagħtu puplesija, u minn hemm ma baqax jimxi u ma setax jitkellem.
Katriel jitkellem dwar il-fidi tiegħu u kif jgħid li aħjar li marad hi milli ħaddieħor. Katriel qal “għax jiena naf niġġildilha u forsi hawn min ma jafx. Jiena meta nkun imdejjaq, inkun muġugħ jew hekk iktar nagħmel biex jiena nkun fuq saqajja. Ikolli mumenti fejn ikolli bżonn lil xi ħadd, mhux ma jkolli bżonn lil ħadd.”
Katriel jgħid ukoll li meta minħabba l-marda waqgħetlu xagħru, hu ħadha bi kbira., anke għax meta jikber xtaq li jsir hairdresser, “Għedt: ‘Jien kif ħa nkampa bla xagħar?” Għedt: ‘Issa hawn il-parrokki u nixtri waħda’.” Spjega kif meta kien ikun rieqed u jqum, kien beda jsib il-biċċiet tax-xagħar fuq l-imġadda.
Fl-intervista Katriel jgħid li beża’ ħafna meta għamel operazzjoni f’ħalqu, iżda żieda jgħid li kulħadd irid imut, imma l-aqwa li ma jmutx meta għadu żgħir, imma meta jikber. Katriel jitkellem ukoll dwar kif meta kien iżgħar kien jesperjenza l-bullying l-iskola minħabba l-marda tiegħu, “Jien għaddejt minn bullying ħafna mhux ftit. Jgħajruni li jien qasir u li qisni papru. Għax ikolli naqra ħalqi juġagħni jgħiduli li ma nafx nitkellem.”
Din l-istorja ta’ Katriel, waslet biex ħafna nies emozzjonaw ruħhom u mpressjonaw ruħhom bil-kuraġġ tat-tifel. Ħafna kitbu kif il-filmat tal-intervista bidlilhom il-ġurnata minħabba li hu ta’ ispirazzjoni kbira.
Katriel se jkompli jaħdem matul dan ix-xahar biex jgħin sabiex jinġabru kemm jista’ jkun flus b’risq l-istrina, li tgħin persuni bħalu.
//= $special ?>

