Futbol Sport

Futbol Taljan – Zenga kowċ ta’ Crotone

Walter Zenga

Walter Zenga ġie maħtur bħala kowċ ta’ Crotone. Hu se jkun qed jieħu post Davide Nicola li ħalla l-kariga matul il-ġimgħa, jiem wara li t-tim kien sofra telfa ta’ 3-0 kontra Udinese.

Għal Zenga dan se jkun l-ewwel impjieg tiegħu sa minn meta tkeċċa minn manager ta’ Wolves lura f’Ottubru tal-2016.

Zenga se jagħmel id-debutt tiegħu fuq il-bank ta’ Crotone l-Ħadd kontra Sassuolo.

Ghoulam iġedded il-kuntratt
Il-plejer Alġerin Faouzi Ghoulam ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Napoli u issa hu marbut mat-tim tas-San Paolo sal-2022. Il-kuntratt preċedenti ta’ Ghoulam kien se jiskadi f’Ġunju ta’ sena oħra.

Jidher li Ghoulam se jibda jirċievi salarju ta’ 3.5 miljun ewro fis-sena.

Logħba biex isellmu lil Buffon
Rapporti fil-ġurnali Taljani qed jgħidu li l-Federazzjoni tal-Futbol Taljan (FIGC) qed tippjana biex torganizza partita ta’ ħbiberija biex waqtha tingħata tislima xierqa lill-gowlkiper Gianluigi Buffon.

Dan tal-aħħar hu mistenni jirtira mill-futbol fi tmiem dan l-istaġun u ftit ġimgħat ilu, wara li l-Italja naqqset milli tikkfwalifika għat-Tazza tad-Dinja, hu ħabbar li kien se jirtira minn mat-tim nazzjonali.

Li kieku hu lagħab fit-Tazza tad-Dinja kien ikun l-unika plejer fl-istorja li jkun ħa sehem f’sitt edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja. Jidher li l-logħba se tkun kontra l-Iżvizzera, l-Olanda, l-Polonja jew l-Irlanda u se tintlagħab f’Turin jew Parma.