Minkejja l-kesħa tas-Sibt filgħaxija, għexieren ta’ persuni laqgħu s-sejħa tal-Life Network Foundation u mxew minn Pjazza Kastilja għal quddiem il-Parlament f’mixja favur il-ħajja.
Minn reliġjużi sa familji bit-tfal żgħar, ilkoll magħquda wara messaġġ wieħed – il-ħajja għandha tiġi protetta fil-forom kollha tagħha, sa mill-konċepiment.
Għal darb’oħra, mistiedna speċjali kienet Rebecca Kiessling, Amerikana li kienet konċeputa minn stupru. Iżda minkejja dan ommha ma temmitiliex ħajjitha u minflok tatha għall-adozzjoni.
Tgħid li pajjiżna għaliha hu speċjali, għaliex filwaqt li fl-Istati Uniti nqatlu miljuni ta’ trabi fil-ġuf permezz ta’ abort, s’issa pajjiżna għadu kontra dan.
Kif tispjega ċ-Chairman tal-Life Network Foundation, Miriam Sciberras, il-ħajja umana fil-ġuf qed taffaċċja diversi theddid kostanti u hu għalhekk li dawk preżenti riedu jwasslu messaġġ li l-ħajja hi prezzjuża.
Din kienet it-tielet sena konsekuttiva li ġiet organizzata din il-mixja f’pajjiżna.
//= $special ?>

