Kappella li tiġbed l-għajnejn ta’ bosta f’xi ritratt ta’ inżul jew tluq ta’ ajruplan fil-mitjar tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hija l-Kappella tal-Madonna ta’ Loretu fil-limiti tal-Gudja, biswit it-triq li tagħti għal Ħal Far.
Mhux talli l-kappella tinsab viċin il-mitjar, iżda l-Madonna ta’ Loretu hija wkoll l-patruna tal-ħaddiema fl-avjazzjoni. It-titlu ta’ Loretu jirreferi għad-Dar Sagra ta’ Loreto, id-dar li, skont it-tradizzjoni, l-angli wasslu mill-Art Imqaddsa għal-Loreto, fl-Italja. F’din id-dar jgħidu li fiha twieldet il-Madonna u seħħet it-Tħabbira tal-Anġlu Gabriel.
Din il-kappella nbniet fl-1676 fuq l-istess sit ta’ kappella medjevali iżgħar fl-irħajjel mitluf ta’ Casal Qadi. Jingħad li l-fundatur tal-kappella kien il-Prijur ta’ Auvergne, Fra Imbert de Molines, membru tal-Ordni ta’ San Ġwann, filwaqt li Monsinjur Dusina elenka d-devozzjoni kbira lejn dan is-Santwarju Marjan fil-Viżta Pastorali tal-1575. Il-kappella reġgħet inbniet darbtejn, fl-1676 u l-1820, u għalkemm sofriet il-bumbardamenti tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-kappella reġgħet infetħet fl-1943.
Matul din it-tmiem il-ġimgħa tiġi ċċelebrata l-festa tal-Kappella. Fiż-żjara tagħna f’din il-kappella l-Ġimgħa filgħaxija, innutajna l-ġmiel ta’ din il-kappella, partikolarment il-kwadru titulari, l-prospettiva tal-maġġur u l-koppla. Il-kappella sintendi kienet imżewqa bl-armar tagħha għall-festa, fosthom l-apparat liturġiku tal-artal maġġur, id-damask, il-linef u l-istatwa tal-irħam tal-Madonna ta’ Loretu. Il-festa tal-kappella tilħaq il-qofol tagħha il-Ħadd waranofsinhar bil-quddiesa tal-festa u attività soċjali.
F’Għawdex nsibu parroċċa ddeddikata lill-Madonna ta’ Loreto f’Għajnsielem. Minkejja li għada tiġi ċċelebrata l-Festa Liturġika, il-Parroċċa tiċċelebra bil-kbir il-Festa Titulari Ħadd fuq l-25 t’Awwissu.
//= $special ?>