Lokali

Il-Partit Laburista bil-mira li jiġbor viċin il-€1.5m

Iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista - Mill-Arkivji
Avviċinati negozjanti u oħrajn li jieħdu xogħol mingħand il-Gvern. Persuni qalulna li jkollok tagħti bilfors għaliex inkella tkun ittimbrat

Il-Partit Laburista qed jagħmel dak kollu li jista’ biex fil-maratona ġbir ta’ fondi b’risq l-istess Partit Laburista li se tkun qed issir għada jiġbor viċin il-€1.5 miljun.

Fil-fatt f’ċerti lokalitajiet esponenti u rjus kbar fil-Partit Laburista avviċinaw il-komunità kummerċjali u għaddewlhom envelope biex fih ipoġġu l-kontribuzzjoni tagħhom. Sorsi li tkellmu magħna f’dan ir-rigward qalu li kien hemm min ħassu għalkollox urtat li membri fil-Partit Laburista avviċinawhom b’dan il-mod.

“Ikollok tagħti bilfors għaliex inkella tkun ittimbrat u dawn in-nies ipattuhielek żgur. U huma jkunu jafu b’mod preċiż kemm tajt għaliex meta jiġbru l-envolopp se jimmarkawh u jkunu jafu li tali envelopp tah it-tali ħanut”, qalulna wħud min-negozjanti urtati,

Fil-jiem li għaddew kienu avviċinati wkoll negozjanti u oħrajn li jieħdu xi xogħol mingħand il-Gvern fejn bil-pulit fakkruhom u staqsewhom kif inhu sejjer in-negozju tagħhom u jekk għandhomx bżonn ta’ xi ħaġa u mbagħad temmew it-telefonata billi fakkruhom fil-maratona tal-Partit Laburista u kontribuzzjoni finanzjarja tkun osservata u innutata.

Bla dubju ta’ xejn li dawk li qed jaspiraw li jimxu ‘l quddiem fi ħdan il-Partit Laburista darba Joseph Muscat iwarrab minn kollox, se jkunu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jimpressjonaw lil-Laburisti li huma kienu minn ta’ quddiemnett fost dawl li l-aktar li jkunu ġabru fondi għall-Partit Laburista.

Net News jinsab infurmat ukoll li qed isiru telefonati fid-djar tan-nies biex iħeġġu lin-nies ħalli jipparteċipaw bl-akbar ammonti ta’ flus li jistgħu.

Jiehdu sehem f’din il-kampanja ġbir ta’ fondi hemm mhux biss il-Ministri, is-Segretarji Parlamentari u d-Deputati Laburisti, iżda l-kandidati, is-Sindki u l-Kunsillieri Laburisti, id-delegati tal-Partit u dawk kollha fi ħdan il-Partit Laburista li jaqgħu fil-kategorija ta’ voluntieri. Id-direzzjoni hi waħda ċara ħafna, dik li jekk il-Partit Laburista ma jiġborx somma viċin il-€1.5 miljun allura ma jkunx sodisfatt u l-maratona ma tkunx irnexxiet.

Lydia Abela, il-mara tal-Avukat Robert Abela li hu wieħed mill-Konsulenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat u li fil-jiem li għaddew kien fiċ-ċentru tal-aħbarijiet minħabba l-eluf li qed jirċievi f’konsulenzi, hi l-persuna li qed tikkoordina l-ġbir tal-maratona tal-Partit Laburista.