Kunsilli Lokali Lokali

Il-Pass li jmiss fil-Kunsilli Lokali

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u Kelliem għall-Kunsill Lokali, jitkellem dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li se jkun qiegħed jagħmel il-Partit Nazzjonalista fir-riforma li triq titwettaq biex il-kunsilli lokali jaqdu funzjoni importanti quddiem l-isfidi tal-lum għall-iżvilupp u t-tmexxija tal-lokalitajiet

Intervista li dehret ilbieraħ fuq in-Nazzjon.

25 sena ilu l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien ħoloq il-Kunsilli Lokali, bl-għan ewlieni li lokalitajiet ikollhom il-vuċi tagħhom u jwettqu huma l-politika meħtieġa għal-lokal. Issa wasal iż-żmien li wara dawn is-snin, il-pajjiż jaħseb bis-serjetà dwar il-funzjoni tal-Kunsilli Lokali llum il-ġurnata.

Dan il-kliem qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia s-Sibt li għadda f’indirizz li għamel waqt Konferenza tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li l-esperiment ta’ deċentrelizzazzjoni li introduċa l-Gvern Nazzjonaslita issa għalaq 25 sena, u minkejja li kien ta’ suċċess irridu nistaqsu mill-ġdid: X’nistgħu nagħmlu aktar biex intejbu l-lokalitajiet tagħna?

Mistoqsi dwar il-ħidma li qed issir dwar ir-riforma tal-Kunsilli Lokali, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u l-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, Robert Cutajar, qal li l-PN qed jaħdem u qiegħed fi proċess ta’ konsultazzjoni għal dan. Il-pjan ta’ ħidma ewlieni se jkun imqassam fuq sitt binari; il-Vot 16, ir-Reġjuni, l-Amminstrazzjoni, ir-Relevanza, is-Sigurtà u l-Infurzar.

Fi gruppi ta’ ħidma (f’workshops), il-Kunsilliera fi ħdan il-PN se jikkonsultaw bosta ideat flimkien ma’ esperti li m’għandhomx rabta politika biex il-politika fi ħdan il-Kunsilli Lokali tissaħħaħ. Dawk l-ideat li eventwalment se jkunu fid-dokument aħħari, se jgħaddu mill-istrutturi kollha tal-Partit, biex b’hekk ukoll joħorġu u jitqajmu aktar punti minn kulħadd. Aktar konsultazzjoni tfisser politika aktar b’saħħitha u li qed tkun aktar ta’ vuċi.

Dan id-dokument fil-futur qrib se jkun ippreżentat evantwalment f’rapport b’numru ta’ proposti konkreti. Hawn nittamaw li l-Gvern jikkontempla u jħares lejn dawn il-proposti meta jkun qed jiffinalizza l-white paper dwar ir-riforma tal-Kunsilli Lokali.

Il-Vot 16

Robert Cutajar qal li l-PN qiegħed f’punt li jħares aktar lil hinn dwar il-kontribut taż-żgħażagħ fil-politika, speċjalment dawk ta’ 16-il sena. Issa l-Partit qiegħed jistaqsi, sa fejn għandu jasal iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena? Hawn bosta punti dwar dan, u hemm lok li jkun hemm diskussjoni fuqhom. Jekk hux se jkunu jistgħu jikkontestaw għall-elezzjoni tal-Kunsill? U jekk dan jiġri, dawn iż-żgħażagħ jistgħu jkunu sindku?

Il-PN se jkompli b’diskussjoni flimkien ma’għaqdiet taż-żgħażagħ li hawn f’pajjiżna. Fosthom jittama li jiltaqa’ mal-KNŻ, SDM u Pulse biex il-Partit ikompli jiftaħ il-binari t’ideat fuq ir-rwol taż-żgħażagħ f’kuntest elettorali, u f’kuntest ta’ x’ħidma jista’ jwettaq fil-komunità lokali.

Ir-Reġjuni
Ir-rwol tar-reġjuni x’inhu? Din hija l-mistoqsija li ħafna jistaqsu dwar xi skop hemm illum il-ġurnata. Hawn jintlaħaq il-punt ta’ minn fejn għandha tibda responsabbiltà tagħhom.

Il-PN se jkun qed jidħol aktar fid-dettal dwar ir-rwol li għandhom iħaddnu r-Reġjuni u xi pjattaforma jista’ jkun hemm biex il-Kunsilli Lokali jingħataw l-għajnuna mir-Reġjuni u li l-ħidma tagħhom ma tkunx konfliġenti.

L-Amministrazzjoni
Fin-nisġa tad-diskussjoni dwar ir-riforma tal-Kunsilli Lokali, Robert Cutajar qal li l-PN ma jistax ma jaħsibx fl-amministrazzjoni, il-ħaddiema li jaħdmu fil-Kunsilli Lokali. Huwa għamel referenza għax-xogħol imprezzabbli li jagħmlu l-ħaddiema kollha fi ħdan il-Kunsilli Lokali, b’mod partikolari s-Segretarji Eżekuttivi, li huma parti kruċjali fil-funzjoni ta’ Kunsill Lokali.

Robert Cutajar qal li l-PN se jkun qed jiddiskuti bosta punti dwar l-amministrazzjoni, u kif ir-riforma tista’ tiffaċilità iżda ssaħħaħ il-ħidma tagħhom. Hawn nistaqsu, x’qed ixekkel il-ħidma tagħhom? Hemm xi tip ta’ burokrazija li mhux tħalli lil kull ħaddiem jaħdem kif suppost u xieraq?

L-Oppożizzjoni qed tistaqsi: il-finanzjament allokat għall-Kunsill Lokali huwa biżżejjed biex Kunsill ikun jista’ jaħdem b’mod effiċjenti lejn il-komunità? Lokalitajiet li għandhom anqas residenti iżda jkollhom influss ta’ nies minn barra l-lokal tul il-ġurnata, għandhom jingħataw aktar fondi? Infatti dwar dan hemm bosta punti li l-PN qed jiddiskuti. Hawn ġa ħarġu xi forma t’ideat dwar kif il-lokalitajiet jista’ jkollhom aktar sors t’allokazzjoni.

Tqajjem il-punt li jekk l-ekonomija miexja tajba, naħseb wasal iż-żmien li ċertu permessi li jingħataw fil-lokal, il-liċenzji mħallsa, it-taxxa fuq in-negozji, inkluż il-VAT u parti mit-taxxa li hemm diġà fuq it-turisti meta jqattgħu l-iljieli f’pajjiżna tmur għand il-Kunsilli rispettivi. Dan żgur mhux forsi jista’ b’xi mod jew ieħor jiġi diskuss aktar fid-dettal. Punt li jista’ jtaffi xi ftit il-problema ta’ finanzi li kważi kull Kunsill Lokali jesperjenza fil-passi ta’ ħidmietu.

Is-Sigurtà u l-Infurzar

Robert Cutajar tkellem u ta x’ideat dwar dan il-punt ta’ diskussjoni – qasam li hemm ħtieġa enormi fih li ssir riforma. In-nuqqas ta’ sigurtà fil-lokalitajiet qed tinħass bil-bosta. Il-politika tal-PN hija li jreġġa’ lura s-serħan tal-moħħ lir-residenti li mhux iħossuhom sikuri fil-lokalità tagħhom – f’darhom.

Diġà jidher biċ-ċar li din hija l-politika tal-Partit f’dan is-settur. Nieħdu minn eżempju riċenti meta l-Kap Adrian Delia għamel ħiltu biex tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fl-għassa tal-Marsa. Il-ħidma tal-PN hija li l-għasses tagħna jkunu miftuħa għas-servizz fil-komunità. Huwa fatt magħruf li l-kriminalità żdiedet tassew f’pajjiżna, u l-PN mill-Oppożizzjoni se jagħmel dak kollu possibbli biex pajjiżna mill-ġdid jerġa’ jsir pajjiż sikur.

Robert Cutajar qal li nistgħu naraw li jkun hawn mill-ġdid xi forma ta’ neighborhood watch, jiżdiedu s-CCTV’s, iżda wkoll jiżdiedu r-riżorsi umani biex fil-pajjiż ikun hawn l-ordni .

Hawnhekk semma’ l-Gwardjani Lokali, u dwar kemm fir-riforma hemm il-ħtieġa essenzjali li l-problema tal-Gwardjani Lokali tiġi indirizzata tassew. Ir-responsabbiltà issa taħt min se tkun? Il-Gwardjani Lokali se jkunu hemm biex jagħtu ċ-ċitazzjonijiet biss? Jew kif suppost jagħmlu, bl-eżempju jgħallmu fejn sar in-nuqqas?

Robert Cutajar qal li l-laxkezza fi ħdan dan kollu trid tinqata’, għaliex l-ordni tibda minn dawk li suppost għandhom iżommuha u jħaddnuha. Minn hemm il-pajjiż ikun hemm għamel pass ’il quddiem biex ikun hawn il-bon ordni.

Punt ieħor li tajjeb li niġbdu ftit attenzjoni dwaru huwa dwar il-koperezzjoni li suppost għandu jkun hemm bejn il-Kunsilli Lokali u l-Pulizija. Dwar dan suppost issir laqgħa ta’ spiss bejn dawk konċernati fejn fiha jiġi diskuss il-problemi li l-lokalità tkun għaddejja minnhom f’dan il-perjodu. Dan qiegħed isir? Kemm aħna konxji tal-fatt li għandu jkun hemm laqgħat bejn il-Kunsilliera, li se jitkellmu f’isem iċ-ċittadin, u l-Pulizija biex is-sigurtà tal-lokal tissaħħaħ?

Dwar il-Green Wardens, Robert Cutajar qal li l-lokalitajiet diversi madwar Malta u Għawdex tinħass sew il-ħtieġa ta’ dawn il-wardens. L-ambjent komunitarju hemm bżonn li nieħdu ħsiebu, u fil-qafas tal-Politika Nazzjonalista dan se jiġi diskuss. Permezz ta’ dan se naraw x’jista’ jsir biex ukoll tiżdied l-ordni fil-mod kif, pereżempju, jintrema l-iskart fil-lokalitajiet. Hawn nistaqsu wkoll jekk hix qed issir biżżejjed ħidma t’għarfien biex ir-resident japprezza aktar u aktar il-lokalità li hu jgħix fiha? Il-Kunsilli Lokali għandhom ikollhom aġenda li jagħmlu reklam lejn il-lokalità rispettiva tagħhom.

Ir-Relevanza

Il-Kunsilli Lokali llum il-ġurnata għadhom relevanti? Kif qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia s-Sibt li għadda, issa l-Partit irid juri viżjoni ġdida li tirrivoluzzjona l-mod kif jopera Kunsill Lokali sabiex dan ikun aktar effettiv. B’hekk biss jista’ jtejjeb tassew il-ħajja tan-nies fil-komunitajiet tagħna. Adrian Delia fl-istess waqt staqsa jekk il-Kunsilli Lokali humiex qed jinbidlu f’bordijiet ta’ amministrazzjoni biss, u daqshekk qed tkun limitata l-ħidma li jistgħu jwettqu.

Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-Kunsilli Lokali jkunu fora li jaħdmu b’mod attiv biex jgħollu u jtejbu ħajjet ir-residenti tal-ibliet u l-irħula.
Fuq dawn il-binari, kompla Robert Cutajar, li l-Partit irid jaħdem bis-sħiħ fuqhom. “Il-Partit Nazzjonalista jrid iħares lejn l-aspett socjali tal-lokalità, jrid jaddattata miżuri u inizjattivi fil-ħajja tal-komunità lokali li ma jkunux biss mill-għatba ’l barra iżda jkunu mill-għatba ’l ġewwa.”

Fl-opinjoni tal-ħafna, il-Partit Nazzjonalista jrid mill-ġdid jerġa’ jidħol fid-djar tan-nies u jesperjenza l-ħajja ta’ kuljum mill-istess dar. Dan jista’ jagħmlu bl-aqwa mod: permezz tal-kuntatt dirett mar-resident. Il-Kunsilliera flimkien ma’ kull min hu ta’ rieda tajba jridu jfasslu l-ħidma tagħhom ukoll b’impenn soċjali.

Robert Cutajar qal li permezz tal-Kunsilli Lokali mhux biss nistgħu pereżempju nwasslu nuqqas li hemm fil-lokalità permezz t’ilment, iżda wkoll permezz tal-Kunsilli nistgħu nreġġgħu lura dak l-aspett soċjali t’għaqda. Permezz tal-Kunsilli rridu li jkun hemm edukazzjoni xierqa kontra l-vjolenza domestika, u fl-istess binja, vittmi ta’ dawn l-abbuż ikunu jistgħu jsibu l-għajnuna. Il-Kunsilli Lokali jridu jkomplu jsaħħu l-ħidma dwar politika favur il-persuni b’diżabbiltà, dan jista’ jsir permezz t’għajnuna mill-Gvern, fejn b’konsultazzjoni xierqa joħroġ biċ-ċar il-ħtiġiet tal-lokalità f’dan il-kuntest.

Robert Cutajar qal li jekk huwa minnu li l-pajjiż miexi tajjeb, il-Gvern għandu bis-sħiħ jinvesti aktar fil-Kunsilli Lokali. Il-Kunsilli Lokali għandhom jilqgħu fi ħdanhom persuni bi professjoni li lesti wkoll jagħtu s-servizz fil-qalba tal-lokal. Hekk il-Kunsilli jkollhom ukoll forma mhux biss amministrattiva, iżda jkunu Kunsilli li se jagħtu servizz għal ħtieġa li hemm bżonn fil-komunità lokali.

Il-Kunsilli huma dawk li għandhom jagħmlu l-politika għall-komunitajiet f’pajjiżna

Dawn huma biss ftit punti dwar il-politika tal-Partit Nazzjonalista fuq ir-riforma tal-Kunsilli. Fi pjan ta’ konsultazzjoni għal din ir-riforma, il-Partit Nazzjonalista qed jinvolvi lill-Kunsilliera u esperti minn kull qasam li bosta m’għandhom l-ebda konessjoni politika, biex permezz ta’ diskussjoni u workshops, joħorġu b’ideat li jsaħħu l-Kunsilli Lokali.

Il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista hija ċara, li jreġġa’ l-vuċi lill-poplu u jersaq aktar viċin in-nies. Dan ifisser li jkun preżenti u jagħti ħinu u ħidmietu fir-riforma tant meħtieġa fil-Kunsilli Lokali. Il-Kunsilli huma dawk li għandhom jagħmlu l-politika għall-komunitajiet f’pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista bħalma ta l-vuċi madwar 25 sena ilu, issa jrid li jkun l-katalist biex il-vuċi lokali tissaħħaħ. Il-PN jrid jagħti l-lok biex f’pajjiżna jkun hawn politika relevanti għaċ-ċirkostanzi tal-lum il-ġurnata, ċirkostanzi diversi f’kull lokalità f’Malta u Għawdex.

Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed inwasslu aktar fid-dettall il-ħidma li qed issir mill-Partit Nazzjonalista dwar din ir-riforma tal-Kunsilli Lokali. Ħidma li se tolqot kull aspett soċjali tal-komunità Maltija.